Illum Diffiċli Nilħqek.
Illum diffiċli
nilħqek ja sultana
Li tiġi meta trid,
għax mort tiġġerra
Il-bogħod il-fuq
mis-sħab, lilhinn mill-qċaċet
U lili hawn
ħallejtni waħdi negħereq
Fid-dwejjaq,
fl-iskwallur u d-dipressjoni.
Inħallu kollox
għal darb’oħra mela,
U l-leħma li bħal
xrar, leħħiet ta’ beraq
Għad tiddi fuq
id-dlam ta’ ruħi mkasbra.
Jien xbajt
infittex kliem ma nafx xi jfisser
Niżvoga, niċħad,
nieħu n-nifs u nerġa’ naqa’
Fid-dożi zgħar ta’
kliem u dożi akbar
Ta’ dan is-skiet
li bih inħobb niddawwar.
Tgħid tgħanni
għad dik l-għanja tal-imħabba
Li ġiet bil-fors,
spiċċat fid-delużjoni,
U għax dgħajjef,
inkapaċi jew għax ġifa
Bqajt hawn biex
nirreżisti ż-żmien imperreċ,
Inċappas ma
xuftejk tad-dnub mitt wegħeda.
Alfred Greh
18/03/2017.
No comments:
Post a Comment