Thursday, 23 March 2017



Għax Għada Jkun Bħall-lum Għalfejn Tiddejjaq.

Jien nerġa’ ġirja  u naqta’ nifsi,
U nemmen li narak, tleqq u sabiħa,
Jien nerġa’ nduq il-frott projbit tal-Għeden
Għax għadda ħafna żmien u bqajt bir-riħa.

Jien naħseb li ma nbdiltx ningħaraf għadni,
Għalkemm iż-żmien jekk tħares, għamel tiegħu,
U nerġa’ nisfidak biex terġa tiġi,
Immiss n-nar jew ngħaddi sbrixx minn miegħu.

Jien sirt stabbiliment li kollox joffri,
Immur inperreċ għomti biex jarawni,
Ma jimpurtax għalikom dak li noiffri,
In-nies ġejjin, ġejjin għax issa drawni.

M’għandix għalfejn nittama l’għada jisbaħ,
Għax għada jkun illum li jiġi wara.
M’hemmx agħar minn meta tħoss m’hemmx aktar għada,
Il-jum li jmiss, u din ukoll tindara.

M’għandix għalfejn nitħabat u nissara,
Ma tittamax ukoll jaqbduk id-dwejjaq,
Jekk tħares ‘l-quddiem m’hemmx lejn fejn tħares,
Għax għada jkun bħal-lum, għalfejn tiddejjaq?

Alfred Grech
23/03/2017


No comments:

Post a Comment