Friday, 10 March 2017


Lament Wara t-Telfa tat-Tieqa tad-Dwejra.
Offensiva dil-ħajja , dil-ħajja laċeranti
tal- ikoni li jaqgħu, jisparixxu u jħalluna
bil-ġerħa tad-nuqqas mikxufa beraħ.

Hawnhekk tintebaħ bil-kobor tad-desert tar-ruħ
li tikrob sabiex toqgħod il bogħod min-nies tad-dinja,
il-bogħod mill-ħsieb li jibqa’ jirraġuna,
il-bogħod mill-kobba mħabbla tat-traġedji.

Hawnhekk fejn kollox ħemda u lanqas biss trid taħseb
għaliex il-ġerħa fonda wisq biex tista’ dderri,
u kull waqt hu twil eternita’.

Hawnhekk tixtarr is-skiet tal-għelt tal-bieraħ,
imdendel mal-ħitan fejn hemm il-beraħ
fuq il-ġwienaħ tal-ħolm il-fantasija,
fejn hemm inewwaħ il-gawwi
li kontra r-riħ, iġiegħelek taħseb fis-saħta ta’ kulljum.

Hawnhekk fejn il-ħemda tegħreq fil-gideb tal-imgħoddi,
fejn il-ġejjieni huwa l-mod li bih tiftakar.

Hawnhekk tkun taf il-kliem li qatt ma smajtu, li dejjem bżajt tlissen,
sorpriż li din mhijiex oasi
filwaqt li l-ħemda qed ftit ftit tifgalek ħajjtek.

Hawnhekk fejn tara biss tbissima mgħawwġa
li taħbi d-dmugħ tad-dwejjaq f’sekwenza ta’ xeneġġjat
li rajna kemm il-darba.

Hawnhekk il-melodija tippersisti fil-ħemda li tiċċaqlaq,
li tiġi wara kliem imqanqal ta’ bla tifsira.

Alfred Grech.
10/03/2017


No comments:

Post a Comment