It-Tieqa Tad-Dwejra –
It-Tieni Lament.
Dan lament ieħor għalik ikona mqaddsa
Li tixgħed tmiem iż-żmien li konna nafu
Li telqet minn
quddiemna u għebet
Bħalma jgħibu l-għasafar li jittajru
Biex aħna nibqgħu hawn itturfnati,
Inħabbtu fuq sidirna bħalma l-mewġ itturnfat
Iħabbat fuq il-blat indifferenti;
Nittewbu l-bżieżaq arja ta’ li nafu
Miblugħa bl-apparenzi li qe jgħibu
Ta’ dak li aħna xhieda tiegħu
Kull ħaġa tieħu r-ruħ u tieħu l-forma
U bħalek tisparixxi
Fil-qiegħ ta’ taħt wiċċ l-ilma.
U kienu l-ħafna dawk li bkewk
Li riedu jirxuxtawk, jibnuk mill-ġdid
Mill-qiegħ ta’ taħt wiċċ l-ilma terġa’ titla’
Bħal xeneġġjat li jerġa’ jiġri b’lura.
Għaliex irridu ngħixu lkoll dal jasar
Tal-moħħ li ma jaħsibx, tal-ikoni,
Tat-tgħewdin tal-massa li trid temmen
Ġwejjdin għaliex għalina hemm min jaħseb
U nagħmlu li jgħidulna
F’dil-ħajja li kull waqt li ngħixu tieqaf
Kull darba li noħorġu minn
ġol moħba.
Fil-qiegħ ta’ taħt wiċċ l-ilma jegħerqu l-apparenzi
Jegħerqu l-ikoni, għax xejn ma jibqa’ għal dejjem.
Alfred Grech
13/03/2017
No comments:
Post a Comment