Thursday, 28 February 2019





U Tgħidli Li Issa Qed Tarani Mod Ieħor.

Kif titfi żewġ ġamriet li qieghdin jaqbdu
Daqskemm l-inħuħ ta’ tnejn li qed jinħabbu?
Dan huwa l-agħar irbit li jista’ kollok
U l-labirint li fih intlift isir letali.
Iddawwar tiġi int idejk ma għonqi
U tilbet f’ħoġri.
Imma kun af li jien tad-demm u l-laħam.
Kull bewsa tissiġilla ftehim li ma ftehemniex
Wegħediet li qatt ma wegħedna
U kompliċita f’xi ħaġa li lanqas aħna stess
Ma nafu sewwasew x’hini
Iżda li t-tnejn li aħna qed inħossu
It-toqol tagħha.
Imbagħad tħallini hawn bla nifs
Biex ngħannaq iż-żmien kollu
Tiftaħli l-bibien beraħ għall-infinit.
U xħin tmellisli d-dwejjaq ta’ ġo ruħi
Tobżoqlk fuq xuftejja t-tbissima
Li ħadd u xejn ma jista’ jifhem
U tgħidli li issa qed tarani
Mod ieħor.

Alfred Grech
28/02/2019


Tuesday, 26 February 2019




Għalhekk Infittxek Jien.

Għalhekk infittxek jiena ja mara ta’ kull lejla
sabiex tkun inti l-poeżija u ttaffili
mid-dieqa ta’ kuljum,
tkun int il-loppju u tbiegħed minn quddiemi
il-kalċi tal-imrar,
il-qilla taż-żmien li jkidd u s-swat li ma jidhirx
iżda li bil-ftit il-ftit jilwilek daharek.

Għalhekk infittxek jien ja mara tal-ewforija
għax miegħek nista’ niżfen il paso doble
u ċ-ċaqliqiet tal-fantasija mal-melodija tal-allat.

Għalhekk infittxek jiena kull filgħaxija
għaliex f’iljieli bħal tal-lum jien nista’ negħereq miegħek
imqar għal ftit tal-ħin
taħt sema mimli kwiekeb ġo baħar l-infinit.

Għalhekk infittxek jiena għax nibża’ li nkun tliftek
kull meta ma tiġix u naħsbek tkun insejtni
u l-ebda ċaqlieqa ma tressaqni lejn il-ġonna tiegħek.
Xi minn daqqiet inħoss it-tqanqiliet mingħajt xintilla
mingħajr ma nkun stenbaħt sabiex
inwieġeb għas-sejjħa.

Għalhekk infittxek jien kull meta ma ssejjaħx
kull meta ma toqrobx
u jien fil-battal ta’ ruhi nħoss in-nuqqas tiegħek
il-baħħ li fih idejja ma jsibux ma xhiex iqabbdu.

Alfred Grech
26.02.2019.



Din  Hi Malta li Ridna.

Din hi Malta li ridna
Għax bżajna mill-babaw,
Ħakkiema, maltin bħalna
Mas-setgħa jiggranfaw.

Mix-xjaten li jaħkmuna
Għax l-għadu qed hawn ġew,
M’aħniex ta’ min jafdna
U bżajna naqdfu sew.

Din hi Malta li ridna,
Il-ġlieda tal-ħesien
Insejna, rkibna karru
Ta’ dak li seta’ kien.

U sirna biċċa waħda
Min kontinent misjur
Insejna min konna aħna
Ġens żgħir: imma sinjur.

Tas-swar ftaħnihom beraħ
Kanċelli u l-bibien,
U ftaħna saħansitra
ix-xtut għal min kien kien.

26/02/2019

Sunday, 24 February 2019




Imqar jekk Jonfoħ Riefnu

Imqar jekk jonfoħ riefnu mill-grigal,
imqar xħin din il-maltempata taħli lilha nfisha,
u tara s-sħab jiħmar bid-dija tax-xemx tiddi
jiġik il-ħsieb jekk din hijiex
il furja ta’ waqt wieħed
il qawwa li kontra tagħha
jissielet il-qalbieni.

Imqar xħin jitlef saħħtu r-riħ
li jġorr u jqaċċat minn fejn jgħaddi
inwieġeb jien għar-ritmu ntern
tal-għanja li sawwarrtlek
u ma nibżax minn min irid għaddej
jibqa’ min fuq in-nies, minn gol-ħitan
u jifqa’il- bibien u t-twieqi,
għax naf li hemm fil-fond intuwittiv
ir-rieda ifrem mis-saħħa u l-enerġija.

Imqar xħin tara baħar li jrid jibla’ l-art
f’assedju fferoċjat tal-invadenti,
int taf li int fis-sewwa
tal-għoli mnejn tinstab u tikkomtempla
mnejn tista’ tara kollox
u taf li fejn inti qiegħed xejn ma jilħqek
għaliex il-qawwa hi biss efimera jew mistħajjla
u kollox jerġa għal li kien.

Alfred Grech
23/02/2019


Related image

Għażiża Malta.

U ma jimporta xejn li wiċċek qed jinbidel
u sejra ssir ma tingħarafx minn hawn u tal-ftit ieħor,
Għax hekk jew hekk wieħed mill-ftit jiena,
u m’għandix saħħa niġġildilhom
u hekk jekk jew hekk ma jimpurtax għax issa drajna.
U ma jimporta xejn li ġismek qed jiċarrat
Sfreġjawk il-manigoldi ta' bla wiċċ,
ir-reghjba għal flus, bla skruplu u bla kuxjenza
ibiċċru fik bil-ftit il-ftit kull ant bil-ħafna
bl-iskuża tal-progres u tal-modern u nkunu bħal ħaddieħor,
Għax issa hekk jew hekk jiena gawdejtek.
Fi snin tfuliti int kont Ġnien tal-Għeden
u issa għal ta’ warajja it-tifrik is-saħta u l-kundanna
Is-sliem għalik għażiża Malta.

Alfred Grech
24/02/2019

Saturday, 23 February 2019




Apokalissi.

Għidilna Int Mulej x’għad jibqa’ minn dan kollu,
xħin il magni mxajtna tat-tħarbit jeqirdu sal-inqas roqgħa
xhin l-għorrief u l-għalliema u l-esperti
jsebbħu u jżejjnu kull biċċa ġnien fejn nistgħu niżfugaw.
Ma ddoqx qaniena jekk ma tħallix ir-riħ ivenven
u l-ebda skuża biex tittajjar ma ssib
l-alwetta li tfittex il-mistrieħu l-għena
fil-wegħeda tal-abbundanza.
U x’nagħmlu bil-ġrajja li għada kemm għexniha
u bqajna niftakruha fl-għeruq u l-pedamenti tagħha
mingħajr ma ntennu strofa?
Tist’inti toqgħod tħares lejn ix-xahari tat-tifkiriet u n-nostalġiji
maħruq bl-inkwinament studjat u mmartellat
bil mezzi tax-xandir
fantazma qawwija li fl-għabex
iċċarrat l-istar kosmiku b’difrejn li jaqtgħu aktar minn imqass?
Dan issa sar il-karnival tal-uċuħ ġodda
tal-friefet li jixxejjru u jiddandnu
irridu naqsmu l-ġenn ta’ diskoteka
t’għajnejn li jiflu sew bil-ħars ta’ min għad irid jaħtaf.
Dan issa sar il-ħmar il-lejl ta’ ħwejjeġ mhux magħrufa
mistoqsijiet li jibqgħu biss mistoqsijiet,
ta’ maġistrati milwija taħt il-pis li mank jifilħu
f’dan l-uragan ta’ blugħa u ġenn sfrenat
li jobrom u jaħtaf lil kull min isib quddiemu.

Għalina Mulej kull saħta li tfaqqa
kull dagħwa li tisma’ u ma titkellimx,
il-krib, l-ewforija u l-estasi ta’ min qed jibla’
u dmugħ ta’ min tassew safa’ miġuħ.
Ilkoll inkantaw it-Te Deum Laudamus
minn dawn il-griebeg tal-isfruttar
ta’ lsiera aljenati fl-iskemi affluwenti
għal-qlub tad-demm u l-laħam
dan issa sar loppju divin.
Din hija l-karba ta’ elf sentinella
dan huwa d-diwi tal elf megafon
raġġ dawl  li jdawwal elf torri ta’ Babel
u sejjħa għal merħla mitlufa bla ragħaj.

Alfred Grech
23/02/2019

Friday, 22 February 2019





Għax Issa Għalija Int il-Baħar.

Għalxejn tażżarda tmur aktar lilhemm
Jekk int mintix kapaċi toqgħod.
Għalxejn tisfida lix-xitan li hemm ġo fiha
Jekk imbagħad mintix kapaċi tirkbu.
Jekk tgħid li hu tassew,
Ħabibek hu minn qatt ma gideb
Habibek hu min jemmnek
U jifhem kull ma tgħidlu
Ħabibek huwa jkien.
Imbagħad xħin tibda titgħallem tagħżel
Il-karfa mil-qamħa
Ikun wasal iż-żmien lil titlaq tiġri.
Imbagħad jekk trid tassew li toqgħod ħdejja
Ejja malajr u taħlix żmien
Issir iż-żmien li fadal
Biex aħna t-tnejn noqgġod hawn
Fis-skiet ta’ nżul ix-xemx
Nikkuntemplaw il- baħar ħiemed
Għax issa għalija inti l-baħar.

Alfred Grech
22.02,2019

Wednesday, 20 February 2019






U Meta Trid Ċempilli Waħda.

Dak li  hemm bejnietna kien qisu fuq vagun
il-ferrovija waqfet x’imkien
jew daħlet ġo xi sqaq.

Jien kont inħossni nbennen
u ma joqosni xejn
Iżda f’dan il-jum ta’ nofs Frar
nixtieqek qiegħeda ħdejja
ħa nagħnnqek waħda.

Insellimlek ja mara ta’ sbuħija
ta’ ħila aktar minni
Il-lejl qed joqrob sew bħal anġlu miexi ħafi
u l-ħajja tibqa’ għaddejja bħal karusel
li marlu l-ħabel.

Ma nisa’ qatt il waqt xħin int ma ġejt qatt lura
u l-baħar ta’ ġo fik kien, u għadu mqalleb
mill-bqija kollu storja.
u jista’ jkun li dan hu dmugħ
li għad irid iġelben,
u din hi xita li trid traxxax
fuq xeni tal-addiju li qatt ma kien.
Ismek jibqa’ jidwi
fin-nostalġiji tal-ġejjieni.

U jekk għad trid tkun taf
jien xorta għadni mħawwad
u sal-lum ma nafx x’irid.

Meta triq ċempilli waħda.

Alfred Grech
20.02.2019





Fuq Xofftejk it-Togħoma tal-Qabar

Int taħseb li mhemm xejn il-bogħod
mix-xefaq ta’ quddiemek
li lħaqt it-truf,
u li ma tista qatt titbegħed aktar.
Iżda kull darba li jżernaq
Nitilgħu tarġa’ oħra
F’din l-iskalapża li twassal
‘l-fuq mis-sħab.
Is-sensazzjonijiet u t-telfien tas-sensi
Ma jkunux dawk li nsibu fil-ġiri ta’kuljum
Iżda fl-ibgħat truf fejn qatt ma nistgħu naslu.

Deherli li-ħassejt il-mewt
xħin għaddejt subgħajja minn ġo xagħrek
u fuq xofftejk it-togħoma tal-qabar.

Alfred Grech
20/02/2019

Tuesday, 19 February 2019





Ma Kien Għad Fadal Xejn.

Jien niġri magħkom fit-tellieqa
Fuq il-karru tax-xewqat u tal-waqtiet
Biex għad xi darba nilħaq
Il-ħolm li ma ħlomt qatt
Iżda qalbi għada tagħmel il-ħsejjes
Tal-folla irrabjata.

Jien niġri magħom f’dit-tellieqa
Ta ħafna kliem
li la għandu bidu u lanqas tmiem
Noħlom il-ħolm li jibqa’ għal dejjem.
Il-ħolm li jippersisti
Imqar xħin jieqaf darba għal dejjem
iż-żmien.
Jien għandi x-xewqat tagħkom
U nitla’ l-istess taraġ tal-artal
Mingħajr ir-rit u l-protokol
taż-żmien li għadda
taż-żmien li ħadd ma jista’ jwaqqaf
u noffri lili nnifsi ħaruf tas-sagrifiċċju.

Jien bħalkom qed ninġarr minn dal-kurrenti
Ta’ żminijiet li ftit tista’ tifhimhom
U nfittex id-diskors li bih tifhmuni
F’rambaġġ ta’ dinja rrumblata
Fejn lanqas hemm għalfejn tifhem kull kelma
Għax kollox aljenat fit-tifsir tiegħu
U kollox jista’ jfisser differenti minn dak li taħseb.
Għax minn dak kollu li tgħallimna
Ma kien għad fadal xejn.

Alfred Grech
19/02/2019

Monday, 18 February 2019




Sadanittant.

Sadanittant biex jgħaddi l-ħin
Jien nibqa’ naħseb fuqek.

Ma jiswa’ xejn li jgħaddi l-ħin
Li jiena u int inqattgħu ggranfati ma xuxlin
Nitkellmu fuq kull ħaġa li tiġina f’moħħna
Għax din tellieqa għal dak li jmissek tagħmel
U tibqa’ ma tagħmlux.

Ma jiswa’ xejn il-ferħ ta’ ġenn li xi kultant inħossu
F’din it-traġedja jew kummiedja
Fil-baħħ u x-xejn ta’ li jagħmilna.

Ma jiswa’ xejn li timmirali
Il-kliem kollu biex tferini
Għax inviżibbli t-tarka tiegħi
U msaħħra ħajjti.

Ma jiswa’ xejn li tgħid li tħobbni
Għax naf li għada sejra tirkeb
l-ewwel karru li jiġik jew li jaqbillek
biex iwasslek fejn trid tmur.

Xejn ma jiswa’ ftit mistieħ u ftit tas-skiet
F’din l-oasi li rawwamna
Jiena u int għal ftit tal-ħin
Għax wara ftit int reġa’ bdielek
Għaliex akbar mill-maħfra u s-sens ta’ ħtija
U akbar mill-imħabba
Hemm it-tpattija.

Alfred Grech
18/02/2019



Sunday, 17 February 2019




Meta L-Baħar Jofroħ.

Meta l-baħar jofroħu r-riħ idur,
tkun waslet mewġa kbira li trid tkaxkar
u ġġorr magħha dak kollu li nafuh,
dak kollu li tgħallimna,
dak kollu li bnejna u li hu sabiħ,
dak kollu li ħsibna li xi darba kien is-sewwa.

Meta l-baħar jofroħ u r-riħ idur,
tkun ġejja maltempata li ġġorr magħha
it-toroq ta’ din l-art u l-bini tagħha,
sabiex minflok jittella’ bini ġdid
fejn kull sular
ikun it-togħma ta’ Ġnien il-Għeden
u flok it-taraħ kif nafuh
ikollna axxensur li jwassal sas-smewwiet.
Imqar jekk is-smewwiet mank għadhom jidhru
jew issa sibna li wara x-xefaq
hemm sema isbaħ minn dak li qed jgħattina.

Alfred Grech
17.02.2019

Saturday, 16 February 2019




Funeral.

Dan huwa funeral ta’ mewt li diġa’ tħabbret
Din hija nvażjoni tal-ftit art li kien għad fadal
Dan hu għaġeb tal-għeġubijiet li ħadd mhu qed jistħajjlu
Dan huwa għaġeb illi ħadd ma jrid jitkellem dwarhu
għax kullħadd irrassejat,
kulħadd jgħidlek li mhemm xejn x’tagħmel.
Din hi saħta li ġiet fuqna għaliex m’hemmx fuq min nistrieħu
Din hi saħħta li ġiet fuqna għaliex mhawnx min imexxina
Din hi saħħta għax kullħadd qed jidhaq bina
Din hija saħħta, iva saħħta
li ġibniha aħna b’idejna
Għaliex blajna din il-ħrafa sabiex hija jaljenawna
Għaliex blajna din il-ħrafa u dak kollu li bellghulna
Għax kulħadd qed mans bi kwietu jara biss kif ipappiha
Għaliex issa saħansitra mqar xtraw bi flusna moħħna
biex spiċċajna ngħidu bħalhom
Għax neħħewla l-barrikati u neħħewlna kull difiża
u hekk sirna biċċa minnhom.

Alfred Grech
16/02/2019