Jien Nista’.
Taqa’ d-dalma fuq
għajnejk
bħalma jaqa’
s-skiet bil-bjar bla qiegħ
miksura biss
mill-infinit
tal-krib ta’ xi
qattusa fi sħana ta’ Jannar.
Jintfew
il-kwiekeb fuq baħar qiegħed
u jistordi
l-qamar kwinta ċċassat
fis-sema ta’ bla
sħab.
Jien nista’ mkun
id-dell intruż
li jtellef
il-ħemda bil-ħsibijiet ivenvnu.
Jien nista’ nibda’
nimxi wkoll fuq wiċċ l-ilma
mingħajr ma
nemmen l-għandi ħila,
Jien nista’
nitlob dak li naf
li qatt ma nista’
naqla’.
Jien nista’ nibqa’
hawnhekk nixtarr
il-ġenna fl-art
li qatt ma kienet
għax issa
imdawwar bid-dell
ta’ min ma
jimpurtx mis-saħħa ta’ ħaddieħor
mill-grattaċjeli
u mill-bini sfiguranti
jisfida’
l-omnipotenza
li jużurpa
saħansitra s-skiet tal-ispettatur.
Lejla kiesħa ta’
sema mbikki
ta’ qamar
jistaħba ġo sema bla lwien,
erġa’ rxoxta d-dellijiet
ta’ dawk li ġew qabli
ukoll jekk issa ħarbu
u nħallu fid-dlam
u reġa’ waqa’
s-skiet f’dawn l-inħawi
tar-ruħ fejn
għada tkun tintradam
bil-ħsejjes,
bis-swied il-qalb
u fit-terrapein
tal-ħerba spjetata.
Alfred Grech
06.02.2019
No comments:
Post a Comment