Mhemmx Għalfejn.
M’hemmx għalfejn tkun twila
dit-tnehida
imqarr jekk il-ħsejjes ta’
madwarna idewwbu xi ftit
mis-senna tax-xafra li taqta’
das-silenzju
fit-talb li ma jasalx.
Tista’ jekk trid itterraq
fuq ir-riflessi tal infinit
u ma tixtieqx li jerġa
jisbaħ l-għada bir-rakkont tal-jum ta’qabel
iżda għad jiġi zgur u qabel
tistennieħ
u ssib il-bieb li minnu
tista’ tgħaddi għan-naħħa l-oħra.
Imbagħad jekk bħali trid li
tgħix
f’inħawi oħra ta’ dan
l-univers
fejn r-rakkonti ta’ kuljum
mhumiex għajr ħrafa
dan l-univers hu kbir
daqshekk li jesa’ l-ħsibijiet u x-xewqat kollha
li jista’ qatt ikollok.
Issib ukoll li kull kanċell u
kull siparju li jinżel jew jingħalaq
mhuwiex għajr id-dalma li
tinżel wara l-għabex
ta’ jum għajjien f’kull
lejla li tistiednek tishar iżjed milli tiflaħ
biex tinsa t-triq li tkun
terraqt u terġa tibda’ toħlom
ħolm ġdid fejn il-binarji
tal-ferrovija li qatt ma rkibt
iwassluk lejn il-kanali
primittivi li ħasbu u ssingaw l-iħirsa tal-imgħoddi
li tagħhom la baqa’ fdal u
lanqas marki.
Alfred Grech
07/02/2019
No comments:
Post a Comment