Apokalissi.
Għidilna Int
Mulej x’għad
jibqa’ minn dan kollu,
xħin il
magni mxajtna tat-tħarbit jeqirdu sal-inqas roqgħa
xhin
l-għorrief u l-għalliema u l-esperti
jsebbħu u
jżejjnu kull biċċa ġnien fejn nistgħu niżfugaw.
Ma ddoqx
qaniena jekk ma tħallix ir-riħ ivenven
u l-ebda
skuża biex tittajjar ma ssib
l-alwetta
li tfittex il-mistrieħu l-għena
fil-wegħeda
tal-abbundanza.
U x’nagħmlu
bil-ġrajja li għada kemm għexniha
u bqajna
niftakruha fl-għeruq u l-pedamenti tagħha
mingħajr ma
ntennu strofa?
Tist’inti
toqgħod tħares lejn ix-xahari tat-tifkiriet u n-nostalġiji
maħruq
bl-inkwinament studjat u mmartellat
bil mezzi
tax-xandir
fantazma
qawwija li fl-għabex
iċċarrat l-istar
kosmiku b’difrejn li jaqtgħu aktar minn imqass?
Dan issa
sar il-karnival tal-uċuħ ġodda
tal-friefet
li jixxejjru u jiddandnu
irridu
naqsmu l-ġenn ta’ diskoteka
t’għajnejn
li jiflu sew bil-ħars ta’ min għad irid jaħtaf.
Dan issa
sar il-ħmar il-lejl ta’ ħwejjeġ mhux magħrufa
mistoqsijiet
li jibqgħu biss mistoqsijiet,
ta’ maġistrati
milwija taħt il-pis li mank jifilħu
f’dan
l-uragan ta’ blugħa u ġenn sfrenat
li jobrom u
jaħtaf lil kull min isib quddiemu.
Għalina Mulej
kull saħta li tfaqqa
kull dagħwa
li tisma’ u ma titkellimx,
il-krib, l-ewforija
u l-estasi ta’ min qed jibla’
u dmugħ ta’
min tassew safa’ miġuħ.
Ilkoll
inkantaw it-Te Deum Laudamus
minn dawn
il-griebeg tal-isfruttar
ta’ lsiera
aljenati fl-iskemi affluwenti
għal-qlub
tad-demm u l-laħam
dan issa
sar loppju divin.
Din hija
l-karba ta’ elf sentinella
dan huwa
d-diwi tal elf megafon
raġġ
dawl li jdawwal elf torri ta’ Babel
u sejjħa
għal merħla mitlufa bla ragħaj.
Alfred
Grech
23/02/2019
No comments:
Post a Comment