Għalhekk Infittxek Jien.
Għalhekk infittxek jiena ja
mara ta’ kull lejla
sabiex tkun inti l-poeżija u
ttaffili
mid-dieqa ta’ kuljum,
tkun int il-loppju u
tbiegħed minn quddiemi
il-kalċi tal-imrar,
il-qilla taż-żmien li jkidd
u s-swat li ma jidhirx
iżda li bil-ftit il-ftit
jilwilek daharek.
Għalhekk infittxek jien ja
mara tal-ewforija
għax miegħek nista’ niżfen
il paso doble
u ċ-ċaqliqiet tal-fantasija mal-melodija
tal-allat.
Għalhekk infittxek jiena
kull filgħaxija
għaliex f’iljieli bħal
tal-lum jien nista’ negħereq miegħek
imqar għal ftit tal-ħin
taħt sema mimli kwiekeb ġo
baħar l-infinit.
Għalhekk infittxek jiena
għax nibża’ li nkun tliftek
kull meta ma tiġix u naħsbek
tkun insejtni
u l-ebda ċaqlieqa ma
tressaqni lejn il-ġonna tiegħek.
Xi minn daqqiet inħoss
it-tqanqiliet mingħajt xintilla
mingħajr ma nkun stenbaħt
sabiex
inwieġeb għas-sejjħa.
Għalhekk infittxek jien kull
meta ma ssejjaħx
kull meta ma toqrobx
u jien fil-battal ta’ ruhi
nħoss in-nuqqas tiegħek
il-baħħ li fih idejja ma
jsibux ma xhiex iqabbdu.
Alfred Grech
26.02.2019.
No comments:
Post a Comment