Monday, 11 February 2019



Jien Noqgħod il-Bogħod Minnek.

Jien noqgħod il-bogħod minnek
mhux għax ma nħobbokx inkella reġa’ bdieli,
Iżda għaliex irrid nibqa’ nviżibbli sa nsir
saħansitra mmortali għal dak li jgħidu n-nies,
Għaliex fil-ħabi tiegħi inti tibqa’ sħaba
u qatt ma tinżel fl-art
bħalma jagħmlu l-anġli tas-smewwiet,
sħaba bajda tgħatti x-xemx u tisfida
l-isplendur tagħha.
Hemm xemx illuminanti li ma tidhirx
u lanqas tixfrex ir-raġġi tagħha.
U hemm alla tas-skiet, tal-immanenza,
li bħal kompożitur tal-melodija
ried jibqa’ mhux magħruf.
Jien irrid inkun dak il-poeta
li niktiblek dawn il-versi
li ma jgħoddu xejn u xejn ma jfissru
biex int fil-baħħ tax-xejna u l-inviżibbli
tiġbor il-ħjut li lilna jagħtu
l-inkwadratura li tixirqilna,

Noqgħod il bogħod minnek
sabiex imqar f’din id-distanza
u f’dan is-skiet etern ta’ din il-ħemda
tintebaħ kemm jien stramb inkella
insibu l-mod kif nerġgħu nirxuxtaw
din l-imħabba kbira
il bogħod mill-għajjat tal-folla
il-bogħod mis-simulazzjoni
u l-ħafna tagħlim fieragħ ta’ kif
għandna nagħmlu, x’għandna naħsbu
x’għandna ngħidu u kif għandna nġibu ruħna
xħin inkunu ma xulxin

Alfred Grech
11/02/2019

No comments:

Post a Comment