M’hemmx Bżonn Aktar Tas-Sema.
U kien hemm Zeus li beda
jinbgħat il-beraq u s-sajjetti
u aħna na ltwejniex
u tlabniek li tibgħat
l-ispirtu tiegħek biex huma jinħalqu
u inti ġġedded il-wiċċ
tal-art bħalma l-ġiganti
tat-towercranes u
tal-buldozers
u l-barunijiet tal kapital
miġmugħ
tal-kapital misluf
tal-kapital efimeru
qiegħdein ibiddlu l-wiċċ ta’
dawn il-gżejjer.
U magħhom jiggranfaw
dawk ta’ mingħajr spina
dorsali.
il-gwejjda li qatt ma raw flus
f’ħajjithom.
inkella dawk li jsejjħu
lilhom infushom il-gwardjani
tal-wirt u l-patrimonju ta’
ħaddieħor
u magħhom dawk li jmexxu u
jikkmandaw mingħajr mandat
bħal majunetti misjuqin
mill-ispag ta’ min hu
tassew bla sinsla.
Imqar jien l-ispettatur
il-ħati
tal-vini mblukkati
li jħallat id-demma
mal-għaraq ta ġbin dawk li batew
u ġew qabilna li tawna dak
li għandna bqajt hawn
nibni jien ukoll il-kastelli
tar-ramel
fuq din ix-xtajta solitarja
nikkunsidrahom tilgħin,
jinbnew wieħed wara l-ieħor
il grattaċjeli tal-blugħa u
tal-frugħa u tal-isfidi
bħal dik is-siġra ta’ mitt
sular.
U jien noqgħod hawn inħares
lejhom
bħal min iħares lejn xi ħaġa
li ħarġet minn xi ħrafa
inkella xi tiżjina li hi
barra minn lokha
bħallikieku kien xi taraġ
jew axxensur
li jwasslu lejna is-sema.
Intant inħares lejn il bini
li hu tiela’
li qed joqrob lejn is-sema,
qisu li wara dan is-siment
u dan il-ġebel kollu
lanqas hemm bżonn aktar
tas-sema
Alfred Grech
16.02.2019
No comments:
Post a Comment