Monday, 18 February 2019




Sadanittant.

Sadanittant biex jgħaddi l-ħin
Jien nibqa’ naħseb fuqek.

Ma jiswa’ xejn li jgħaddi l-ħin
Li jiena u int inqattgħu ggranfati ma xuxlin
Nitkellmu fuq kull ħaġa li tiġina f’moħħna
Għax din tellieqa għal dak li jmissek tagħmel
U tibqa’ ma tagħmlux.

Ma jiswa’ xejn il-ferħ ta’ ġenn li xi kultant inħossu
F’din it-traġedja jew kummiedja
Fil-baħħ u x-xejn ta’ li jagħmilna.

Ma jiswa’ xejn li timmirali
Il-kliem kollu biex tferini
Għax inviżibbli t-tarka tiegħi
U msaħħra ħajjti.

Ma jiswa’ xejn li tgħid li tħobbni
Għax naf li għada sejra tirkeb
l-ewwel karru li jiġik jew li jaqbillek
biex iwasslek fejn trid tmur.

Xejn ma jiswa’ ftit mistieħ u ftit tas-skiet
F’din l-oasi li rawwamna
Jiena u int għal ftit tal-ħin
Għax wara ftit int reġa’ bdielek
Għaliex akbar mill-maħfra u s-sens ta’ ħtija
U akbar mill-imħabba
Hemm it-tpattija.

Alfred Grech
18/02/2019



No comments:

Post a Comment