Ma Kien Għad
Fadal Xejn.
Jien niġri magħkom fit-tellieqa
Fuq il-karru tax-xewqat u tal-waqtiet
Biex għad xi darba nilħaq
Il-ħolm li ma ħlomt qatt
Iżda qalbi għada tagħmel il-ħsejjes
Tal-folla irrabjata.
Jien niġri magħom f’dit-tellieqa
Ta ħafna kliem
li la għandu bidu u lanqas tmiem
Noħlom il-ħolm li jibqa’ għal dejjem.
Il-ħolm li jippersisti
Imqar xħin jieqaf darba għal dejjem
iż-żmien.
Jien għandi x-xewqat tagħkom
U nitla’ l-istess taraġ tal-artal
Mingħajr ir-rit u l-protokol
taż-żmien li għadda
taż-żmien li ħadd ma jista’ jwaqqaf
u noffri lili nnifsi ħaruf tas-sagrifiċċju.
Jien bħalkom qed ninġarr minn dal-kurrenti
Ta’ żminijiet li ftit tista’ tifhimhom
U nfittex id-diskors li bih tifhmuni
F’rambaġġ ta’ dinja rrumblata
Fejn lanqas hemm għalfejn tifhem kull kelma
Għax kollox aljenat fit-tifsir tiegħu
U kollox jista’ jfisser differenti minn dak li taħseb.
Għax minn dak kollu li tgħallimna
Ma kien għad fadal xejn.
Alfred Grech
19/02/2019
No comments:
Post a Comment