Monday, 31 August 2020

 Kercem Local Council

Xħin Telaq Hu.*

 

Xħin telaq hu, qaluna: il-ħajja tkompli

U ridna u ma ridniex irkibna d-dagħjsa

Inpejjpu n-nugrufun tal-ġigġifogu

U ngħumu lkoll fil-wiċċ biex niġu l-ewwel.

 

Xħin telaq hu, kien hemm il-baħħ jirbombja

U sibna ruħna nkarku biex nitilgħu

’L-fuq mis-sħab, inkella sal quċċata,

U ħsibna li filgħodu seta’ jisbaħ

Żernieq mil-ġdid u bqajna xorta waħda

Nonfħu l-bżieżaq, duħħan u aljenazzjoni.

 

Fid-dinja t’ologrammi u attaparsi

Insejna x’inhu s-sewwa u x’jagħmel mewġa

Li ssuqna lejn it-tmiem tan-narrattiva

It-tmiem taż-żminijiet minfejn inħarsu

Lejn tarf il-lum, xħin it-tmiem jasal.

 

Tassew li llum  mintix għajr nifs tal-arja

Li tibla u l-għana li f’widnejk jasallek

Fuq mewġ li jsir is-seħer li jgħaqqadna.

U kien aħjar li tlaqt milli hawn tibqa’

Itterraq bla tintebaħ li ż-żmien għadda.

 

Alfred Grech

31/08/2020.

 

*B’dedika li zijuhi Peter Paul.

 American Slaves Images, Stock Photos & Vectors | Shutterstock

Ineżorabbli.

 

Mhemmx lok għal ħniena

Il-ġejjieni mitkub

U int trid toqgħod hawn

tilgħab il-logħba tal-attaparsi

Biex jgħaddi ż-żmien.

Jien ħsibt li stajt tagħmilni ħieni

Minflok għabbejtni

Bis-saram tiegħek

U żdidt fil-pis.

 

Kollna kemm aħna żnaturati

Mill-konswetudni

Kollna kemm aħna ninġarru

Mill-ħamla

Aħna li nsarrfu l-ħidma tagħna

Fiż-żejjed ta’ min għandu.

 

Alfred Grech

30/08/2020.

Friday, 28 August 2020

 Free photo: Bird Perched - Animal, Avian, Bird - Free Download - Jooinn

Jekk Ngħidlek.

 

Jekk ngħidlek li qed naħseb fik

Tqum  maltempata

Bħan-nar tat-tiben

Li ma jnajjarx.

Jekk għad tasal biex tirrendi

Jispiċċa l-biża’ kollu

U d-dubbji bħal-ħitan tas-sejjieħ

Jibqa’ biss tregħid il-ġisem

Li jirrakkonta.

Jekk noqgħod inċempillek il-ħin kollu

Int tgħid li jien ossessjonat

Inkella fuq il=perċa tal-għasafar

Lest biex intir.

 

Alfred Grech

289/08/2020.

Wednesday, 26 August 2020

 File:The Muse Euterpe by Arnold Böcklin.jpg - Wikimedia Commons

Versi Fuq L-istil Ta’ Tarċisio Zarb.

 

U hi qaltli għaliex qed torqod waħdek?

U jien weġibtha: lilek ma nibdlek ma ħadd

U inti tista tkun bħal warda li qatt ma tiftaħ

Inkella ornament li bih niddandan.

 

Hi qaltli: hekk tista’ tgħid li t-tmiem ġa wasal

U għalhekk dan it-taħwid u din il freneżija

U m’aħniex niftiehmu, kuljum qed ngħixu ċ-ċaħda

Tal-illużżjoni filwaqt li l-mewġ li fuqu titmewweġ

Jirreġistra n-narrattiva tagħna t-tnejn.

 

U jien għedtilha: Imqar jekk ma fhimtekx

Xorta waħda rridek iżżommli jdejja

Kull xħin ngħaddi mil-lejl kiefer ta’ dlam il-mewt

Għax il-wens tiegħek aqwa mill-afrodiżajk.

Imbagħad xħin nogħla ’l-fuq mis-sħab

Insib li minn dak kollu ma kienxejn.

 

Alfred Grech

26/08/2020.

Tuesday, 25 August 2020

 The All Seeing Greek but Overlooked God: Helios | Classical Wisdom ...

Fl-aħħat Mill-Aħħar.

 

Fl-aħħar mill-aħħar jibqa’ kollox kif inhu

Inkella toħroġ ruħi minn ġo ġismi

U kollox jitlaq fl-għabex tat-trufijiet

It-tamiet, ix-xewqat, il-ħolm, u l-illużjoni.

Jekk inti ma tkebbissx in-nar

Kif trid li jien nistejqer?

Jekk tibqa’ taħseb sew għalik

Kif trid li nimxi?

Kull darba li niġi lura ntiehem il-morr

Ġo ħalqi għax naf li missni kont naf

Minn qabel

U rrid li kull filgħodu nqum

U nemmen li dan hu jum divin.

Irrid li nimxi fuq ix-xifer bla ma nitbandal

Irrid li man-nar nilgħab bla ma ninħaraq.

Irrid li nasal wasla s’għandek u nerġa’ lura

Bla ma jibdieli.

 

Alfred Grech

25/08/2020.

Monday, 24 August 2020

 10 Works Of Art That Pay Homage To Your Melancholy - Art - Art

Ma Nafx.

 

Ma nafx ikunx aħjar ninħela

Nisma’ kliem li ma rridx nisma’

Nittieħed fejn ma rridx

F’dil-mixja li ma twassal għal-imkien

Bit-tama li l-ħin jgħaddi

U nsibek għad x’imkien

Inkella fil-ħemda ta’ ruħ li tgħallmet tisgħar

U taqra s-skiet ma kull tektika

Nistħajjel li l-ħin waqaf.

 

Ma nafx jekk niffissax

Fil-fond ta’ ħbub għajnejk

Fil-ħmura tax-xemx nieżla fuq ħaddejk

U l-bjuda bla tebgħa ta’ ġismek

Inkella noqgħod nisgħar u nistenna

’l-xi kewkba li se taqa’ biex nilqagħha

Fil-lejl ta’ San Lawrernz.

 

Xħin negħreq imbagħad fil-baħar

Fietel tas-solitudni l-eda riħ ma jonfoħ

U l-ebda mewġ ma jmewweġ

U l-ebda ħoss. . .

Xejn

Għajr ix-xewqa li l-ħin jieqaf.

 

Alfred Grech

24/08/2020.

 Image result for faceless woman

Lil Tessie.

 

Niġġerra wrajk bħal tfajjel wara l-friefet

U int daħkana għax taf li mhux se naqbdek.

Kull meta fuq l-iskrin jien nilmaħ wiċċek

Nistħajjel hemm stedina fit-tbissima.

Iżda, fuq sfond bħal dan tan-narrattiva

Imnaqqax hemm ix-xefaq ta’ li nafu,

Li jien u int xi darba għad niltaqgħu

X’imkien f’dan l-univers hemm it-tweġiba

Tirbombja għal kull sejjħa li nagħmillek.

 

Alfred Grech

24/08/2020.