Xħin ngħid li jiena ħieles
Xħin ngħid li jiena ħieles . . .
Bħal xewqa li tkun tfawwar fuq
ix-xifer
Bħal berqa li taħrablek xħin
taħkimha
Bħal ħsieb mingħajr ħitan li
l-ħin skadielu
Bħal dak li ma ltaqax mas-sieħba
tiegħu
Għax setgħet tibqa’ xbieha
ċellulari.
U jiena x’ġejt infittex
F’dal-beraħ
ta’ bla żiffa?
Ġejt infittex ftit tas-skiet
Ġejt infittex lili nnifsi
Ġejt infittex ftit tan-nifs
Ġejt infittex il-ħelsien
Ġejt inrabbi ġwienaħ goffi
Biex nittajjar mal-ħolqien.
Hawnhekk jibqgħali l-wisa’
Fejn nista’ noqgħod ħdejk
Int, li għalik dal-versi saru
Bħat-tajra ta’ bla isem.
Xħin ngħid li jiena ħieles int
fejn tkun?
Ma tkun imkien. Ma tkunx qed
tistennieni,
Ma tafx fejn jien u lanqas tiġi
miegħi
Fuq nifs is-sħab imċarrat.
Xħin ngħid li jiena ħieles. .
.
Niddendel mal-kwiekeb u niżra’
l-waqtiet
Nissemma lill-baħar itenni din
l-għanja
Li tidwi ġol-għerien.
Xħin ngħid li jiena ħieles. . .
Int lanqas biss tarani
Nittajjar fuq kull warda
U neħles minn kull xkiel. . .
Xħin ngħid li jiena ħieles. . .
Sa ninża'
kull ma nkun liebes.
Alfred Grech
Ta’ Slima, 17-08-2014
No comments:
Post a Comment