Wednesday, 30 January 2019




Ma Nafx.

Ma nafx nagħmilx l-iżveljarin
Idoqq fi żmien li ġa kien għadda
Għax dak hu z-żmien li naf
Biex ifakkarni f’għada
Jew dak li seta’ qatt ma kien.

Ma nafx huwiex aħjar ix-xorb tal-whiskey
Għas-serħan tal-moħħ
Biex b’hekk inkompli noħlom
Dak li fid-dawl tax-xema mank tista’ tara.

Ma nafx fejn qiegħda l-għażla
Ma nafx jekk dan hux ħmar il-lejl
Inkella ħolm ta’ nofs inhar b’għajnejk miftuħa.

Jista’ jkun li l-ħin żbaljat
Għaliex żbaljati kienu t-toroq
Werrej-pinnur li juri kollox
Minbarra  l-għażla t-tajba.
Jista’ jkun ninsab hawnhekk
Għax hawn mhuwiex fejn kelli nasal.

Alfred Grech
30/01/2019


No comments:

Post a Comment