Thursday, 17 January 2019




U jibqgħu Ġejjin.

U jibqgħu ġejjin għal aktar
Għasafar tal-ħtif, avultini li jirgħu fuq il-ħerba
Li jkun ħalla ħaddieħor qabilhom.
Imqar hawnhekk fl-aħħar roqgħa art ta’ din l-art imkassbra
U mibjugħa lill-barranin  ġew iħammġu,
Ġew iħallu l-marka tagħhom tal-ajkla qattiela.
Ma baqa’ xejn xi jsir,
Għalxejn il-bogħod l-allat iriegħdu mingaħjr fejjda
Sajjetti fil-bnazzi.
Ma nafx kif aħna ser nieqfulhom,
Bil-kliem, bil-ħsieb, u bir-raġuni.
Ma baqa’ xejn xi jsir għax l-aħħar Te Deum indaqq
U aħna tlifna s-sens tassew ta’ min aħna
Jew minn stajna konna quddiem dan il-kolossu
Li jirbaħ dejjem.
Iżda’għad jiġu l-anġli tal-Mulej
Bix-xabla f’idhom
Jifirdu l-qamħ mill-karfa
Biex fl-aħħar ħaqq inkunu nafu
Min hu magħana
U min hu tassew kontra tagħna.


Alfred Grech
17/01/2019

No comments:

Post a Comment