Il-Punt tal-Tluq.
F’liema nfern dalgħodu
tfajtni
ja sibilla mġewwħa tibla’
sustanzi alluċinanti?
Jien tbiegħedt kemm stajt
mill-għana tas-sireni
li hemm jissieltu fil ħabs
ta’ sidri
biex nasal hawn fuq din
ix-xtajta
l-aħħar tragward ta’ ruħ li tfittex lilha nfisha.
Mal-vaguni għaddejjin
quddiemha
tal-ġrajjiet tal-ħajja tisma’
biss dik it-tifsira
li għandha mill-għana
tas-sireni
li kienet dejjem u tibqa’
l-anġlu tas-saħta
tal-ħofor moħbijin tul
il-perkors.
Jekk kienet l-ambulanza,
il-pulizija jew il-magna
tat-tifi tan-nar
xorta waħda kont taf u kont
avżat
li wara s-sejjħa tas-sireni
hemm saram kbir li
jfixkillek il-viżjoni
iħabbillek il-boxxla
u jitfgħek ħafna lura
biex terġa’ għall-darb’oħra
fil-punt tat-tluq.
U kemm il-darba sibna ruħna
hawnhekk
proprju hawnhekk
fil-punt tat-tluq?
Alfred Grech
13/07/2019
No comments:
Post a Comment