Imbagħad
Xħin Erġajna Lura.
Imbagħad xħin erġajna lura lejn il baħħ li belgħana
intbaħna li ma kien xejn,
kien biss duħħan tal-bidu,
u li dik kienet ħolma,
mera biswit mera,
illużżjoni ottika;
għaliex xħin tlaqna aħna
ma kien għad baqa’ ħadd.
u kollox ma kien xejn.
Iżda din anqas ma kienet
ħolma ġo ħolma
bħalma kienu dejjem jgħidu,
jew li kien hemm xi ħadd qed jiġbed
spag diġitali u jilgħab bit-tikek
tridimensjonali.
Fix-xifer ta’ rdum fesdaqna l-fdal tal-poeżija kiebja
li rxuxtat mar-ritmi nfernali
u t-tinbiħ ta’ ħafna sillabi nkatenati
mingħajr sekwenza.
Fuq xatt il-baħar ta’ bla xefaq ilmaħtek solitarja
u deherli li smajt leħnek ja sibilla ta’ wiċċ b-ieħor
u ma tafx iżżomm ir-rabta,
tqasqas il-ħsejjes tal-kliem ma jinfiehemx
u l-profziji li għandhom tifsir doppju.
Issa, f’dal il-waqt ridt naħtaf is-sensazzjoni
u nikkalzraha fil kapsula dejjiema
xħin ilmaħt il-biża’ f’għajnejk
u d-daqqa t’għajn glaċjali
ta’ min iħoss li qarrqu bih
jew abbużaw minnu.
Tibżax jien noqgħod ħdejk
ħa nisma’ x’għandek x’tgħidli
għaliex b’hekk biss u bit-tqarmiċ tas-snien
tista’ toħroġ minn ġo fik
ix-xitan li trid taħbili.
Alfred Grech
18/07/2019.
No comments:
Post a Comment