Issa Li Bdejna Ntennu l-aħħar Strofi.
Issa li bdejna ntennu
l-aħħar strofi ta’ dina l-għanja tagħna
din l-għanja l’għannejniha
kemm il-darba,
Din l-ghanja mqanżħa, din
il-poeżija ta’ bla rima u ta’ bla ritmu
il-melodija mpromptu
ma nafux kif u fejn sejjra
tispiċċa
jekk hux bil-koda.
bl-allegrija, bil krexxendo maestuż
tnin tnin sakemm il-ħemda
tiġi fuqna
inkella tieqaf sobtu
nintebħu li l-kolonni qed
jiddajjfu
u t-tifkira ssir opaka u
kull ma jmur tiċċajpar.
Għax hekk tispiċċa l-għanja
tal-għanjiet
fuq korda stunata bit-temp x’aktarx
jitqal u minn daqqiet jitħabbel.
Għax issa dħalna fid-dlam
tas-sotterran,
u bqajna nkaxkru fil-penumbra
qabel ma sseħħ l-eklissi
totali
u nistennew qiegħdin li għad
iseħħ
dak li webbluna biħ sa minn
ċkunitna.
Issa m’għadux iż-żmien li
nħarsu ‘l-quddiem
u ngħoddu l-iskalluni ta’
sellum li jasal fl-infinit
ta’ sema trasparenti.
Issa ż-żmien ukoll waqaf
u l-pendlu tal-arloġġ qadim
fil-pjan tat-taraġ
għejja.
Għax issa tlaqna l-kurrenti
biex inħarsu ftit madwarna,
fejn ninsabu, u sibna
li m’aħna qiegħdin imkien.
Alfred Grech
29/07/2019.
No comments:
Post a Comment