Mitlufa l-Poeżija.
Mitlufa l-poeżija li toħroġ mid-djieq
imdellel tal-fissuri
ulied id-dlam imtertaq ta’
mħuħ li baqgħu lura
tal-profondita’ bla qies
għaliex mhemm xejn li jista’
jifdi dal-ġens mgħammad
misjuq lejn jasar il-gaġeġ u
l-barumbari
għax hekk hi s-sejjħa ta’
dal-poplu.
Issa l-poeżija trid toħroġ
bl-iktar saħħa
imqar jekk din tisfronda
l-barrieri u barrikati
tal-imrieżaq illuminati.
Aħna nibqgħu għaddejjin
fis-skiet tul il-perkors
u lilhom inħalluhom jinħlew
fil-blugħat
ta’ mil-lum għal għada.
Aħna nibqgħu insalpaw lejn
xtut li ma nafux
lejn xefaq li kull ma jmur
jitbiegħed aktar
u lilhom inħalluhom hemm
jistagħdru
fil-baħar baxx matul ix-xtajta
fl-għadira tajn fejn
imdorrija.
Mhumiex ta’ min
jikkalpestahom
għax twieldu hekk, għax sabu
min isuqhom
għax għandhom min jagħmilhom
il-mudelli tiegħu
għax għaġnuhom
inkwinaw il-mudullun ta’
moħħom
u issa lanqas moħħ ma
għandhom
biex jaħsbu jekk, qatt ħasbu,
għax baqgħu ma tgħallmux u
sfaw ilsiera
ta’ dak kollu li
bellgħulhom.
Alfred Grech
15/07/2019
No comments:
Post a Comment