Monday, 31 August 2020

 Kercem Local Council

Xħin Telaq Hu.*

 

Xħin telaq hu, qaluna: il-ħajja tkompli

U ridna u ma ridniex irkibna d-dagħjsa

Inpejjpu n-nugrufun tal-ġigġifogu

U ngħumu lkoll fil-wiċċ biex niġu l-ewwel.

 

Xħin telaq hu, kien hemm il-baħħ jirbombja

U sibna ruħna nkarku biex nitilgħu

’L-fuq mis-sħab, inkella sal quċċata,

U ħsibna li filgħodu seta’ jisbaħ

Żernieq mil-ġdid u bqajna xorta waħda

Nonfħu l-bżieżaq, duħħan u aljenazzjoni.

 

Fid-dinja t’ologrammi u attaparsi

Insejna x’inhu s-sewwa u x’jagħmel mewġa

Li ssuqna lejn it-tmiem tan-narrattiva

It-tmiem taż-żminijiet minfejn inħarsu

Lejn tarf il-lum, xħin it-tmiem jasal.

 

Tassew li llum  mintix għajr nifs tal-arja

Li tibla u l-għana li f’widnejk jasallek

Fuq mewġ li jsir is-seħer li jgħaqqadna.

U kien aħjar li tlaqt milli hawn tibqa’

Itterraq bla tintebaħ li ż-żmien għadda.

 

Alfred Grech

31/08/2020.

 

*B’dedika li zijuhi Peter Paul.

 American Slaves Images, Stock Photos & Vectors | Shutterstock

Ineżorabbli.

 

Mhemmx lok għal ħniena

Il-ġejjieni mitkub

U int trid toqgħod hawn

tilgħab il-logħba tal-attaparsi

Biex jgħaddi ż-żmien.

Jien ħsibt li stajt tagħmilni ħieni

Minflok għabbejtni

Bis-saram tiegħek

U żdidt fil-pis.

 

Kollna kemm aħna żnaturati

Mill-konswetudni

Kollna kemm aħna ninġarru

Mill-ħamla

Aħna li nsarrfu l-ħidma tagħna

Fiż-żejjed ta’ min għandu.

 

Alfred Grech

30/08/2020.

Friday, 28 August 2020

 Free photo: Bird Perched - Animal, Avian, Bird - Free Download - Jooinn

Jekk Ngħidlek.

 

Jekk ngħidlek li qed naħseb fik

Tqum  maltempata

Bħan-nar tat-tiben

Li ma jnajjarx.

Jekk għad tasal biex tirrendi

Jispiċċa l-biża’ kollu

U d-dubbji bħal-ħitan tas-sejjieħ

Jibqa’ biss tregħid il-ġisem

Li jirrakkonta.

Jekk noqgħod inċempillek il-ħin kollu

Int tgħid li jien ossessjonat

Inkella fuq il=perċa tal-għasafar

Lest biex intir.

 

Alfred Grech

289/08/2020.

Wednesday, 26 August 2020

 File:The Muse Euterpe by Arnold Böcklin.jpg - Wikimedia Commons

Versi Fuq L-istil Ta’ Tarċisio Zarb.

 

U hi qaltli għaliex qed torqod waħdek?

U jien weġibtha: lilek ma nibdlek ma ħadd

U inti tista tkun bħal warda li qatt ma tiftaħ

Inkella ornament li bih niddandan.

 

Hi qaltli: hekk tista’ tgħid li t-tmiem ġa wasal

U għalhekk dan it-taħwid u din il freneżija

U m’aħniex niftiehmu, kuljum qed ngħixu ċ-ċaħda

Tal-illużżjoni filwaqt li l-mewġ li fuqu titmewweġ

Jirreġistra n-narrattiva tagħna t-tnejn.

 

U jien għedtilha: Imqar jekk ma fhimtekx

Xorta waħda rridek iżżommli jdejja

Kull xħin ngħaddi mil-lejl kiefer ta’ dlam il-mewt

Għax il-wens tiegħek aqwa mill-afrodiżajk.

Imbagħad xħin nogħla ’l-fuq mis-sħab

Insib li minn dak kollu ma kienxejn.

 

Alfred Grech

26/08/2020.

Tuesday, 25 August 2020

 The All Seeing Greek but Overlooked God: Helios | Classical Wisdom ...

Fl-aħħat Mill-Aħħar.

 

Fl-aħħar mill-aħħar jibqa’ kollox kif inhu

Inkella toħroġ ruħi minn ġo ġismi

U kollox jitlaq fl-għabex tat-trufijiet

It-tamiet, ix-xewqat, il-ħolm, u l-illużjoni.

Jekk inti ma tkebbissx in-nar

Kif trid li jien nistejqer?

Jekk tibqa’ taħseb sew għalik

Kif trid li nimxi?

Kull darba li niġi lura ntiehem il-morr

Ġo ħalqi għax naf li missni kont naf

Minn qabel

U rrid li kull filgħodu nqum

U nemmen li dan hu jum divin.

Irrid li nimxi fuq ix-xifer bla ma nitbandal

Irrid li man-nar nilgħab bla ma ninħaraq.

Irrid li nasal wasla s’għandek u nerġa’ lura

Bla ma jibdieli.

 

Alfred Grech

25/08/2020.

Monday, 24 August 2020

 10 Works Of Art That Pay Homage To Your Melancholy - Art - Art

Ma Nafx.

 

Ma nafx ikunx aħjar ninħela

Nisma’ kliem li ma rridx nisma’

Nittieħed fejn ma rridx

F’dil-mixja li ma twassal għal-imkien

Bit-tama li l-ħin jgħaddi

U nsibek għad x’imkien

Inkella fil-ħemda ta’ ruħ li tgħallmet tisgħar

U taqra s-skiet ma kull tektika

Nistħajjel li l-ħin waqaf.

 

Ma nafx jekk niffissax

Fil-fond ta’ ħbub għajnejk

Fil-ħmura tax-xemx nieżla fuq ħaddejk

U l-bjuda bla tebgħa ta’ ġismek

Inkella noqgħod nisgħar u nistenna

’l-xi kewkba li se taqa’ biex nilqagħha

Fil-lejl ta’ San Lawrernz.

 

Xħin negħreq imbagħad fil-baħar

Fietel tas-solitudni l-eda riħ ma jonfoħ

U l-ebda mewġ ma jmewweġ

U l-ebda ħoss. . .

Xejn

Għajr ix-xewqa li l-ħin jieqaf.

 

Alfred Grech

24/08/2020.

 Image result for faceless woman

Lil Tessie.

 

Niġġerra wrajk bħal tfajjel wara l-friefet

U int daħkana għax taf li mhux se naqbdek.

Kull meta fuq l-iskrin jien nilmaħ wiċċek

Nistħajjel hemm stedina fit-tbissima.

Iżda, fuq sfond bħal dan tan-narrattiva

Imnaqqax hemm ix-xefaq ta’ li nafu,

Li jien u int xi darba għad niltaqgħu

X’imkien f’dan l-univers hemm it-tweġiba

Tirbombja għal kull sejjħa li nagħmillek.

 

Alfred Grech

24/08/2020.


Saturday, 22 August 2020

 

  Umbra ... Penumbra. What's It to You? | Night Sky Network

 

Inqar Jien Nixtieq Nibda Ngħix.

 

Inqar jien nixtieq nibda ngħix

F’dawk l-inħawi tal-penumbra

Fl-eklissi parzjali ta’ bejn illum u għada

Fil-fruntiera tal-kjaroskur

Ta’ dak li jista’ jkun u qatt ma kien

Fejn ma tkunx taf jekk intix ħaj inkella mejjet

Jekk intix magħna jeww kontra tagħna

Jekk intix biered inkella sħun.

 

Imqar jien nixtieq insalpa

Lejn dawk l-inħawi fejn tmur tistaħba x-xemx

Fl-għabex tal-għada li qatt ma kien

Fejn ma tkunx taf jekk hux qed jisbaħ

Inkella jidlam, jekk hux fil-bidu jew fit-tmiem

Jekk hux esperiment inkella realta’

Jekk din hix xi logħba nkella destin.

 

Għax hemmek lanqas tkun taf li qed ibexbex

Lanqas taf jekk għandekx tkompli fejn spiċċajt

Inkella mill-ġdid tibda tfassal

Dak li ħattejt il-bieraħ.

 

Hemmhekk tkun tista’ titfissed

U tinsa’ li qed f’dinja mal-bnedmin

Għax la tgħodd u lanqas tingħadd.

 

Alfred Grech

22/08/2020.

 


Friday, 21 August 2020

 공중 비행 작은 새 실루엣, 새 떼, 비행 갈매기, 기러기무료 다운로드를위한 PNG 및 PSD 파일 in 2020 | Flying  bird silhouette, Bird silhouette, Flying bird drawing

Titjira.

 

Inti li m’għadekx tismagħni

Qatt jgħaddilek minn moħħok

Li lilhinn minn dak li tisma’ u dak li tara

Hemm wileġ fejn jimirħu

l-għasafar li jafu jħobbu?

 

Stedintek kemm il-darba biex nimirħu f’dan il-wileġ

Iżd’inti tajra tal-passa

U għadek ma lmaħtx il-quċċata nkella l-antenna

Li fuqha tħossok li trid tieqaf

Biex tistrieħ.

 

Min jaf għadx jiġi żmien li tintebaħ

Li l-milja tat-titjira mhux li tasal

Iżda li ttir fil-għoli

‘l-fuq mill-kaċċaturi

U minn dak kollu li jista’ jfixklek

Milli għad xi darba tasal.

 

Jien kont inħobbok

Iżda issa nħoss

Li kollox qed jifggħani.

 

Alfred Grech

21/08/2020.

Thursday, 20 August 2020

 La Camera Ardente - “Closed Vision” by Marc'O (1954) | Facebook

Dawk Li Jgħallmu Tfixklu Wkoll.

 

Dawk li jagħllmu tfixklu wkoll

Dawk li jmexxu saru tfal

X’toqgod tagħmel ġo dinja tal-pandemija?

 

Spiċċajna hawnhekk f’dal ħondoq

Tal-abbissi għaliex maħkumin konna

Mill-biża’ li nisslu fina

Dawk li qatt ma fdawlna f’idejna

l-armi biex niġġieldu

is-saħħa biex intajjru

dan il-madmad u dan l-ilġiem

minn fuqna.

Issa tard wisq għax sar il-ħin

U l-bimba laħqet niżġet

U aħna xjaħna.

 

Spiċċajna lsiera għax ma kellniex

Loġġa minn fejn nittawlu

Inkella libbsulna l-kappestru

Biex dħalna f’mina u qatt ma bsarna

Li lilhinn mix-xefaq kien hemm ukoll

Artijiet li stajna kxifna

Mergħat iħaddru bl-ilma ġieri

Fejn jimirħu għasafar u bhejjem

Li qatt ma ħlomna bihom.

 

Alfred Grech

20/08/2020.