Saturday, 14 October 2017




Xejn Ma Jinbidel.

Inti tinża’ u tibqa’ għarwiena
Fil-poeżija li tħallili
Bħal leħen is-skiet
li qatt ma jidwi.

Dagħbien il-baħħ li tħalli
Saltnet ir-riħ li qatt ma jinsa’
Bil-weraq li jġorr miegħu
U l-ħsejjes ta’ ġol-misraħ.

Xejn ma jinbidel
Kull xħin niftakae fik,
Bħal ferrovija li tisparixxi
Fil-bjuda ta’ ġoċ-ċpar.

Alfred Grech

14/10/2017

Friday, 13 October 2017



Assurdi.

Assurdi li qed ngħixu ġo din l-arka,
Imċaħħda milli nafu x’hemm hemm barra,
Jew x’hemm lilhinn mix-xefaq fl-illużżjoni
Li din arka magħżula minn dawk l-oħra
Li hemm fil-wiċċ jitbandlu qalb il-ħalel.
Inħarsu f’wiċċ ir-riħ li jisfidana
U nemmnu li hemm qawwa ogħla minna
Inkomplu għaddejjin fuq wiċċ il-baħar
Inkella ma nemmnux f’dan l-ekwilibriju
Li nafu u ma nafux, fi vjaġġ fatali.

Assurdi li bħal qlugħ bla riħ battala
Għażilna l-avventura minn-nawfraġju,
Qed ngħuma f’nofs dal baħar ta’ bla xefaq
Mitlufa f’oċean indifferenti.
Li missna hawn qiegħedin ħadd mhu se jaħlef,
Jew jekk qiegħedin hawnhekk hekk kienx imissan,
Intbaħna wkoll li hemm oħrajn qed jegħerqu
Li għandhom bżonn ukoll l-għajnuna tagħna.

Alfred Grech

13/10/2017

Thursday, 12 October 2017


Fejn Taf?

Fejn taf li mhix passjoni
Bħal taġen fuq in-nar
Tinqela bla tintebaħ
Taħt xemx ta’ nofsinhar?

Jew hix il-perċezzjoni
Għax moħħok jilgħab bik
Tiġik malajr ix-xewqa
U din malajr tħallik?

Kif taf li mhix ħolm’oħra
Mill-ħafna ħolm li ħlomt
U xejn minn dak li jgħaddi
Filmat kif erġajt qomt?

Kif taf li din mhix ħolma
Li minnha għad trid tqum
Tintebaħ xħin fl-art taqa’
F’sessik u bla ma ddum.

Dak kollu l-għaddejt minnu
Bħal ħolm li tar mar-riħ
Hemm biss tifkira tiegħu
Uġihj jew ferħ qatiħ.

Fejn taf li mhux qed jigbdu
Fl-dak kollu li jingħad,
Din mhix ħlief muntatura
Fl-iskemi tal-Istat;

Li dan mhux simulakru
Ta’ dak li missu kien,
Issib suġġerituri
Hawnhekk u kullimkien

Imm’ int bil-fors trid temmen
Iż-żmiem hekk trid tgħaddih
Għax xħin madwarek tħares
Tintebaħ minnufiħ.

Alfred Grech
12/10/2017



Wednesday, 11 October 2017


GħALIK UKOLL
Għalik ukoll li ma tafnix jien nikteb:
inti, li għandek dalmet il-lejl kiefer ġewwa moħħok. . .
inti li tqum filgodu u b-ħafna tama
toħroġ barra t-triq biex tgġannaq l-ombra
u tisma’ x’qegġedin jgħudu minn wara darek.
Għalik li dħalt f’dinja t’għalik waħdek
u dad-dgeġwiġ li jdarras xejn ma tfittex
ta’ dan is-serbut nemel  miexi miexi
mingħajr ma jaf fejn sejjer.
Għalik ukoll li dħalt ġo dinja oħra lli ma kelliex tkun
u bdejt tistaqsi lilek stess kif hawn sibt ruħħek;
għalik ukoll nixtieq li nagħmel
kif jien imdorri nagħmel
mar-riħ dal-versi nferrex
biex nilħaq
lil min ir-riħ  iwieġeb
u jgħidlu iva . . .
Għalik li taf li kollox huwa għalxejn
għax tinkiteb għad l-istorja.

Alfred Grech

11/10/2017

Tuesday, 10 October 2017


Moħbija Tkun Fil-Qratas Żagħar Mormija.

Moħbija tkun fil-qratas zagħar mormija,
Mingħajr ma ħadd jindenja jagħti kashom
Għax toħroġ trid bħal meta l-poeżija
Minn bejn ix-xquq tal-art bl-asfalt mogħottija.
Bħal verita’ li tista’ mank tingħaraf
Mil-li tagħllimt jew għadek qed titgħallem
U ssib li xejn ma jiswa’ dak li jgħidu
Bil-qwiel u l-għerf li nġemgħa tul is-sekli.
Is-sewwa kien u għadu u jibqa’ moħbi
Ikkammuffat  taħt strati skart u żibel
Li nġema’ jew bi żball jew sforz il-bniedem
U trid issibu b’lenti ftit  qawwija.
Waħedha toħroġ din bħal-poeżija
Bħal għanja mingħajr ton u ta’ bla ritmi.
Kien żmien  fejn kont sabiħa u attraenti
Illum li xagħrek bjad u l-ġilda tkemmxet
M’għadekx b’dik iż-żegliga timxi dritta
Dublett qasir żarbuin b’takkuna twila
U jiena bħall ħaddieħor wiċċi ndawwar
U nerġa’ nara sew jekk kontx rajt sewwa
U nerġa’ nagħraf lilek għall-darba oħra.
Għax mhux tassew li ż-żejta f’wiċċ l-ilma jitla’
Trid togħdos wisq fil qiegħ u tfittex sewwa
Biex għad xi darba ssib dik ix-xintilla
Il-bogħod mill-ħars tan-nies, ’mma nsibek fl-aħħar.
U mingħalija tgħaddi bla ma nafek
U tgħaddi tisfen żifna li tinagħraf
Sakemm isir il-lejl u mbagħad tinħeba.
Xħin insibek  inħossni mort imqarraq
Għax kont ħlejt ħafna żmien indur u infittex
Met’inti kont qiegħeda hawn, hawnhekk biswiti.

Alfred Grech

10/10/2017

Monday, 9 October 2017





ekk Tieqaf Ftit Tintebaħ.

Jekk tieqaf ftit tintebaħ
Mhux wieħed jien minn dawk
Ġrejt wisq fil-fatt iżd’inti
Kont għadek dejjem hawn.

Hawnhekk m’għadux pajjiżi
Inħossni bħal miblugħ,
Il-mewġ li jiġi lura
U baħar kbir miftuħ.

Fis-skiet erġajt sejjaħtlek
U l-ġilda bdiet tixraf,
Għax wiċċek beda jieħu
Is-sura ta’ min naf.

Xħin tħares fiss f’għajnejja,
Taqrax li sar l-ħin,
Biex terġa’ tieħu postok
Fil-Pantheon divin.

Alfred Grech

09/10/2017

Sunday, 8 October 2017



Int Ukoll Weħilt

U int ukoll weħilt ma dis-sunnara
igganġjata, lanqas tafx kif ser tinqala’.
U jien kont naf li bħalek jagħmlu kollha
għax jien kont hemm minn qablek
fit-tarf tal-blat ta’ xatt il-baħar
u qbist u taljt ukoll għall kemm il-darba
biex nara l-ilma kemm hu kiesaħ.
U naf ukoll  x’fond hemm u x’hemm fil-qiegħ,
għaliex missejtu kemm il-darba.

Int trid tagħmilha li mintix ixxomm il-liska;
iżda jiena li kont hemm għall-kemm il-darba
naf żgur li tard jew kmieni  għad trid taqa’ int ukoll
għat –tentazzjoni, u jien nerħilek il-ħarira
ħa tiġbed kemm trid int, sakemm iċċedi.

Imbagħad la tgħidx li kont kattiv,
jew li m’għedtlekx minn qabel

Alfred Grech

08/10/2017