Wednesday, 14 March 2018




Lil Stephen Hawking.
Eleġija.

Fuq truf il-qċaċet fejn xi darba ħsibna
Li bdejna qafas ġdid fuq li tgħallimna
Bqajna hemm staġnati frott l-insikurezza
Biex niggranfaw mal-mambar tal-profeti.
Imbagħad ġejt int bil-ħsieb submlimi tiegħek.
U bdejna niflu sew il-ħofor suwed
It-toqob ta’ kull żmien f’kull dimensjoni
U mbagħad kissirt il-qoxra u ħriġt il-qalba
Tal-lewża li kissirt bl-intelliġenza.
F’inżul ix-xemx inin minn wara l-kwinti
Sebbaħt ukoll l-iljieli bil-ħolm tiegħek
B’dawk ix-xintilli, xrar tal-kwiekeb jiddu.
U frott il-għerf tgħollejt hemm fuq l-ispalel
Ta dawk l-iġganti, ġenji li ġew qablek.
Fil-fwar ta sbieħ il-jum li jiżvanixxi
Issa li m’għadekx hawn il-bieb jingħalaq
Fuq dawl il-ħsieb li jgħola ‘l-fuq u jiddi
Jinfed in-nagħas, l-aljenazzjoni folta.

Alfred Grech
14/03/2018

Tuesday, 13 March 2018




LIII.

X’qed taħbi u tostor wara dik is-sura,
Sbuħija tal-istatwi fik magħġuna?
LI kieku ma kontx nafek, nerġa’ lura,
Milqut minn dawk l-għajnejn, bħal sejf misnuna.

X’qed taħbi wara surtek il-ħanina?
Li kieku ma nafekx kont nerġa’ lura,
U kont tħajjarni nduq tuffieħa bnina,
Għalkemm illum jien frotta sirt misjura.

Li kieku ma kontx nafhek, nibdlek m’oħra.
Illum li naf il-prezza tad-drapp tiegħek,
Illum, indawwar wiċċi n-naħħa l-oħra,
Ma rridx li jkolli x’naqsam aktar miegħek.

Illum li nafek sew, għalfejn nistaqsi?
Int taf li m’hawnx ħaddieħor jafek daqsi.

Alfred Grech
17/07/2012

Thursday, 8 March 2018





Lilhinn Minn Dad-Deżert.*

Lilhinn minn dad-deżert ta’ ruħ għatxana,
Xħin ma jibqagħlek xejn għaliex tistenna
Jisbaħ l-għada;
Jew tħares lejn li ġej b’għajnejn il-gawwi
Bil-ferħ ta’ sfida li tiġik biex taqta’ xewqtek.
Jien xtaqt li kont għannej sabiex insawwar
Dak l-innu li għad jista’ ismek jgħolli.
Imqar xħin tara s-sema mċajpar bir-riħ isfel
Inkella tara l-qlugħ fuq baħar qiegħed
Mill-ponta tat-turretta b’inqas ħerqa,
Inti tistenna!
Jien miegħek irrid ngħannaq żernieq ieħor
Li jżernaq fuq dal jum li qatt ma jisbaħ
U nerġa’ nistaqsik għall-kemm il-darba:
Lilek li taf it-tweġibiet imdendla
Bħal fil-kwadru ta’ nżul ix-xemx efimeru.
Bħal kieku qatt ma kien u m’hemm xejn aktar
Għajr ħsieb li jisparixxi wara x-xefaq
U nerġa’ niskoprik filwaqt li nifraħ:
Ja mara tal-misteri.

Alfred Grech
08/03/2018

*F’jum Il-Mara

Wednesday, 7 March 2018




Serħan ir-Ruħ
Serħan ir-ruħ fil-gaġġa tal-imġienen,
Iħares f’wiċċ il-mera tal-ħsieb tiegħi,
Li jirrifletti l-marda li tittieħed,
ix-xbieha bil-maqlub li kibret miegħi.

U lanqas xejn ma jiġri xħin inkisser
Il-mera ta’ dal ġenn, m’hemm ebda ċaħda,
l-oriġinal ma jkunx aħjar mill-kopja,
Għalkemm l-oħrajn jittawlu xorta waħda.

Alfred Grech
18/06/2012.


Monday, 5 March 2018




Tremenda Din Il-Hajja

Tremenda din il-ħajja
tiġi u tmur ma tafx għalfejn
u lanqas taf fejn sejjer.

Tremenda din il-ħajja
-alluċinanti-
sabiex titgħallem tgħum u żżom f-wiċċ l-ilma
trid taf li ma kull qadfa qed titbiegħed
u t-tmiem ugwali.

Tremenda din il ħajja,
induru dawn l-inħawi
ġo toroq ta’ bla zbokk
quddiem semafori giddieba
u statwi li jħawwduna
iċċassati tul il-perkors.

Ngħum f’ibħra mhux tas-soltu
ninġarru mal-kurrent
mingħajr ma naslu.

sa tarf irdum id-deżolazzjoni
ta’ dan ix-xatt li jrid għalih
is-solitudni tagħna,
u minn qalb id-dlamijiet
trid toħroġ din il-karba

Alfred Grech
05/03/2018


Friday, 2 March 2018




Imqarr Din Tkun Fissazzjoni.

Imqar din tkun fissazzjoni
Li noqgħod ta’ kull datba nistennik
Titfaċċa bħalma tifxref ta kull draba x-xemx  filgħodu
Minn wara x-xefaq;
Inkella bħalma l-fewġa tal-grigal
Tolqotni u tistordini
Biex tfakkarni
Li x-xitwa baqgħet magħna.

Imqarr din hi fissazzjoni
Li noqgħod nistennik bil-pinna fidi
U l-linka ma tqattarx inkella tinxef
Bħal meta nisma’ l-ħsejjes tat-takkuna
Mal-passi li joqorbu u tibqa’ għaddejja
Bla ma tieqaf.

Imqar din hi fissazzjoni
Bħal kull fissazzjoni oħra
Li mingħajrhom ma narax
Għaliex inqum filgħodu.

Alfred Grech
02/03/2018





Fejn Sejjer?

Fejn sejjer? Liema leħen qed isejjaħ?
l-għanja tar-riħ li jvenven qalb is-siġar,
l-għanja ħienja tal-baħar ma kull mewġa,
jitmattar u jimtedd maċ-ċagħaq fir-ramel,
biex ħiemed joqgħod jisma’ lilu nnifsu
minn artijiet imbiegħda. Liema leħen
qed isejjaħli? L-għanja li t’għannili
f’dak li kulljum qed tgħidlli waqt li taħbi,
li ma tgħaddix min għajri. Liema sejjħa?
Mill-qiegħ tal-għerien fondi bħal tirxoxta
U taf id-dikursata ta’ minn dejjem
Tax-xemx mal-għajru tqil, tar-riħ, tax-xita,
Tal-ħajja magħha nfisha u sa mill-bidu,
Tidwi fil-baħħ u x-xejn tal-eżistenza,
Tidwi lil dak li jtenni lilu nnifsu,
Tidwi lil dak li jtenni kull ma jisma’.

Alfred Grech
02/06/2012