Saturday, 8 August 2020

 Edvard Munch's female influencers | World-famous artist

Ikolli Lilek.

 

Ikolli lilek tredden ġo widnejja

U mingħalik li nderri għad biż-żmien,

Inkella tridni nieqaf fuq saqajja

U qatt ma tista’ tħoss dak li nħoss jien.

 

Ikolli lilek tgħidli x’għandi nagħmel

U dan tgħiduli b’demgħa fuq ħaddejk;

Tiftaħli jdejk u tistedinni għandek

Ma tistaqsix nasalx niflaħ sa ħdejk.

 

Alfred Grech

08/08/2020.

Friday, 7 August 2020

 Walking Beautiful Young Blonde Woman Stock Footage Video (100%  Royalty-free) 1030556837 | Shutterstock

Mhux Biss L-Iġsma.

 

Issa mhux biss l-iġsma

Iżda mqar l-erwieħ qiegħdin jitbiegħdu

Min jaf jekk hux għaliex qed jibgħu

Li jittieħdu minn xulxin.

Jien lilek narak waħdek

Mingħajr frilli u mingħajr xintilli

Iġġor lilek innifsek

Bħal ninfa fuq ir-ramel.

Hemm barra niex miexjin

Bla ħadd ma jaf fejn sejjer.

Lanqas naf x’ser naqbad nagħmel.

Fit-twettieq ta’ dak

Li għandi nagħmel jien ukoll magħżul.

Għalhekk arani jiena wkoll

Se nitla’ din it-telgħa

Inkella nibqa’ hawnhekk . . .

Nistennik ġejja.

 

Alfred Grech

07/08/2020

Thursday, 6 August 2020

The Poem – The Lotos-eaters


Ejja Nirkbu Din Il-Mewġa.

 

 “This Mounting Wave will roll us shoreward soon”

Alfred Lord Tennyson: The Lotos-Eaters.

 

Ejja nirkbu din il-mewġa

Għad iġġorrna lejn ix-xatt

Jew inkella nsibu ruħna

B’leħma ġdida mal-impatt.

 

Ejja nirkbu din il-mewġa

Biż-żegliga ta’ ġenbejk

Fuq ħaddejk il qamar jikfes

Jew niffissa f’dawl għajnejk.

 

Ejja nirkbu din il-mewġa

Ma tafx x’għad u x’jista’ jkun,

Ma tafx kif għad forsi nrażżnu

Dan il-ġenju fil-flixkun.

 

Ejja nirkbu din il-mewġa

Jista’ jkun li ftit mgħaġġlin

Dawn il-vrus malajr imħarbxa

Qishom żwiemel maħrubin

 

Alfred Grech

06/08/2020


Wednesday, 5 August 2020

Tomorrow to fresh woods, and pastures new…” | Astrology: Questions and  Answers


Kull Meta Narak Ġejja.

 

Dan huwa ħeden il-ferħ

Ta’ molekuli li jiżżersqu

Fiż-żurżieqa tan-newroni

Kull meta nara lilek ġejja

Splużżjoni ta’ xi supernova

Kull pass li tagħmel

U meta tersaq lejja

Intir fuq l-ogħla sħaba.

Hemm ħafna ħwejjeġ li qatt

Ma kellhom jiġru

U ħafna ħwejjeġ li misshom waqqfu.

Jiena u int illum tifkira ħajja

Ta’ dak li darba kien

Issa li ma nistgħux nerġgħu lura

Jien xorta waħda għadni nfittex

Il-beraħ li tifrixli

Sabiex għad xi darba nsib

Il-Għala għadni hawn nistaqsi.

 

Alfred Grech

05/08/2020.


Tuesday, 4 August 2020

What Am I Doing Here?


X’Inhu?

 

X’inhu dak li rrid minnek

X’inhu li trid, minn min?

Inqiegħed fuq l-ixkaffa

Kollox, ta’ dak il-ħin.

 

It-tnejn naqilbu l-folja

Għax dejjem hemm iż-żmien

Nistaqsi lili nnifsi

X’ġejt nagħmel, hawnhekk, jien?

 

Alfred Grech

04/08/2020.


Monday, 3 August 2020

21 Inspirational Quotes about the Innocence of Children »


Dakinhar.

 

Dakinhar li d-dinja kienet iżgħar

Aħna konna anqas mgħobbijin

Bit-toqol ta’ dak kollu li kellna

Ngħaddu minnu.

 

Dakinhar meta kollox kien kien jinftiehem

U l-kbir kien għadu ġej

Konna ngħixu fl-istennija ta’ xi ħrafa

U kellna l-kurżita’ li jisbaħ l-għada.

 

Dakinhar kien aktar ħieles

Il-kliem li konna ntennu

U moħħna kien aktar ċar

Konna għadna nintonaw l-antifona

Tal-qaddisin

U nżommu t-temp mal-marċ

U l-bqija.

 

Dakinhar konna  naħsbu li hemm

Xi ħaġa lilhinn mix-xefaq

U konna nistennew is-siparju

Se jinfetsaħ

 

Dakinhar kien hemm sorpriża.

 

Alfred Grech

03/08/2020.


Sunday, 2 August 2020

Mhu Jiġri Xejn.

 

Għax fuqna ġew u biddlu wiċċ id-dinja

bħal xjaten misħutin bla ma staqsew.

U tiġi dik b’xuftejja kollha żebgħa

u lilna qalet biss biex  nistennew.

Hi  tgħid li sejra żżomm l-ilpup feroċi

iżd’għandha fuqha biża’ tal-infern

Il-poplu jikkuntenta b’dak li tbiegħlu

inkella bħal-pinnur idur fuq pern.

Għax dak li hu tassew lanqas jitwemmen

u jagħżlu n-nies li jemmnu l-ħmerijiet.

U issa mqar it-tfal m’għadhomx jilgħabu

għax l-attaparsi sar  għeġubijiet.

Għidilha ’l-dik li tagħti l-intervisti

Saħħara hi kemm trid mhux sħarijiet.

 

Alfred Grech

01/08/2020.

 Visitmalta - The official tourism website for Malta, Gozo and Comino.