Monday, 17 August 2020

 Flotsam and Jetsam – Beachcombing Magazine



Hekk Ġara.

 

Hekk ġara kull meta

Ma smajtx minnek

U bdejt ninġarr mal-kurrenti

Imġarrab mill-għana tas-sireni.

 

Hekk ġara

Kull meta ħaddieħor

Għamiltu alla tiegħi

U ħsibt li sehemi iżgħar

U ridt nixxiebaħ biex

Nibda ningħaraf.

 

Hekk ġara

U għal ftit ma tlilftx

l-għelm u l-mira

tfarrakt biċċiet

bħal meta tkisser ħġieġa.

 

Illum tgħallimt

Li l-għana tas-sireni

Hu biss skuża

Biex ma nslapax

U naf x’hemm lilhinn mix-xefaq

Għax ħabtu ma xtuti

l-fdal tal-oċean.

 

Alfred Grech

16/08/2020.

Saturday, 15 August 2020

 Obscenity projects | Photos, videos, logos, illustrations and branding on  Behance

Oxxenita’.

 

Ridt tara ħwejjeġ sbieħ iżda

mill-ħwejjeġ sbieħ ma baqa’ xejn

hawn biss skwallur

desolazzjoni

u xejn ma jista’ jaqta’ l’għatx

ta’ xenqet ir-ruħ.

 

Int bħali trid li tpinġi

l-ilwien tal-qawsalla

iżda qalb dil meħla ġwejjda

xejn ma jagħmel differenza.

 

Għalxejn trd tpinġi s-sabiħ

għax il-ġibda biex inħassru

u kollox sar bħal blugħa

u kollox vanita’

u kollox sar. . . oxxenita’

 

Alfred Grech

15.08.2020.

Thursday, 13 August 2020

 The grasshopper and the ant - Gustave Dore - WikiArt.org

155.

 

Imqar jekk int ma tridx li tkompli l-mixja

Jien xorta għad nurik mnejn għandek tgħaddi

U niġi wara l-bieb ta’ darek ngħanni

Nistiednek tiftaħ il-purtelli nkella

Tbexxaq il-persjani. Għax għad jibdielek

U għad tkun int titlobni minn xuftejja

Inneħħi din ix-xenqa u dil-kilba

Bħal min ikun mitluf fl-anestesija;

U għad tkun int li tistedinna nġonġu

Il-ħjut ta’ dan l-istar li konna nsigna

Imqar jekk niġi ntektek bil-ħabbata

U noqgħod hawn fil-ksieħ nistennik tiftaħ.

Ma ġara xejn jekk tgħaddi x-xitwa kollha

U jiena nibqa’ hawnhekk bħal grad fil-kesħa.

 

Alfred Grech

13.08.2020.

 The Poet | Holy Spirit System

F’Daż-żminijiet.

 

Għażiż poeta

F’daż-żmien l-assurdita’

Fejn jirbaħ dejjem

Il-medjokri jew il-lagħaqi

Fejn is-sabiħ kastig  tar-raffinat

U s-sewwa tilef leħnu

U ħadd ma jrid jistenbaħ

Min-nagħas tal-illużżjoni

Għaliex għadek id-ddoqq il-flawt

Tistenna li l-ġrieden se joħorġu?

 

F’daż-żminijiet

Fejn jirbaħ biss il-qliegħ

U ssaltan biss ir-rejba

Għax għadek trid tittama

Li għad issib widejn li għad jisimgħu.

 

F’dawn iż-żminijiet

Fejn ħarqu l-kotba tal-istorja

U lill profeti,

Ħaġġruhom, neżżgħuhom u qatluhom . . .

 

Għażiż poeta?

 

Alfred Grech

13/08/2020.

Wednesday, 12 August 2020

 Why Is Hope So Important? | Understand The Deeper Meaning Of Hope

Xħin Tneħħi l-Frilli Kollha.

 

Xħin tneħħi l-frilli kollha

Duħħan fuq l-orizzont,

Jew tbexxaq is-siparju

X’jibqagħlek hemm, fil-fond?

 

Xħin tneħħi l-illużjoni

U l-ġiri ta’ bla sens

Tmur lura ġo kamartek

Biex tfittex ftit tal-wens?

 

X’ikun li jqawwi ’l-qalbek

Jagħmillek il-kuraġġ,

Biex l-għada terġa’ tkompli

U jfeġġ tad-dawl xi raġġ?

 

Bilfors trid tagħmel qabża

U temmen f’dak li ġej,

Tisfida l-elementi

U tistaqsix għalfej?

 

Alfred Grech

12/08/2020.

Tuesday, 11 August 2020

 womb : winter 2012 | Silence Effects | Flickr

 

F’Ġuf Iż-żmien Fejn Jien Twelidt.

 

 

F’ġuf iż-żmien fejn jien twelidt

Hemm il-mitbaħ tas-skiet

Fejn jixgħelu l-ħsibijiet

Minflok il-kwiekeb li jaqgħu

Fid-dmugħ ta San Lawrenz.

Għalhekk għażilt li nikteb bil-lipis

Biex inkun nista’ nħassru xħin irrid

Kull darba li nikteb bil-linka

Jerġgħa jibdieli.

Għax imqar xħin nirbaħ nistaqsi

Lili nnifsi xi tfisser

U ta’ xhiex inhi dir-rebħa.

Huma ‘l-ftit l-anġli t-tajbin

Dawk li ma jobdux

l-oħrajn jilgħaqu kollha kienu

Qiegħ iż-żarbun l-allat tat-tafal

Inkella jaħsbu li din hi xi logħba

Ma jafux li jiena nagħmel dak li ngħid

U kolp fuq kolp kuljum inwieġeb.

 

U kemm hu ta’ dwejjaq

Meta lanqas taf l-għadu li trid tiġġieled

Qarnita li saret ħaġa waħda

Ma dawk ta’ fuq il-mambar.

 

Alfred Grech

11/08/2020.

Monday, 10 August 2020

 64 Easy and Difficult Mixed Super Drawing Ideas - Esminity

F’Dawk Il-Waqtiet.

 

F’dawk il-waqtiet

Xħin kollox jidher ta’ taħt fuq

Mhux lakemm iġġonġi t-truf

U tgħaqqad żewġt iġnub.

Tisma’ biss xi serduq jidden

Jew il-ħoss ta’ xi ċuqlajta.

 

Aktarx li ridt noqgħod fuq l-ogħla xifer

Biex nuri lil kulħadd kemm jien ta’ ħila

U nibda ngħodd in-nemel

Miexi purċissjoni fejn kulħadd jimmira

Fejn se jasal bir-riħa ta’ ħaddieħor.

 

Hekk sewwa li fl-għabex ta’ dak kollu

Li jintesa jegħleb is-swied il-qalb

U xħin saħħa ma jibqagħlix

Nibda għaddej minn ġol-ħitan.

 

Alfred Grech

10/08/2020.