Valletta.
(Versi fuq stil ta’ Tarcisju Zarb)
Skwallur avvilenti ta’ toroq paralleli
li jarmu rieħa dekadenti u desolanti
bħan-nemel jgħaddu n-nies għax imdorrija
ħa jkollom x’jirrepetu xħin jinġabru
lura f’raħalhom,
inkella fid-dlam tal-griebeg kull fejn jgħammru
bħal bebbux li f’qoxortu jerġa’ jidħol.
Bħal-nemel jgħaddu n-nies mingħajr passjoni
ifittxu u jesploraw irkejjen ġodda
ta’ qliegħ, fejn jistgħu jieħdu nifs ħafif
li mhux imniġġes u mhux imdellek
bir-riħa tas-sigarri, tal-kafe’,
tal-ħobż mixwi, tal-pastizzi u kull rieħa oħra
li ħierġa minn ġol-kċejjen desolanti.
Bħan- nemel il-vetturi jfittxi spazju
fid-dojoq tat-triqat li għad jespandu.
U fuq l-uċuħ kulur il-konkos
ebda tbissima, jew fewġa ta’ riħ ħieles
għajr ir-riħa tal-fwieħa li jiddandnu biha n-nisa.
Dil-belt ta’ tant uċuh u tant burdati
ta’ lwien li ma jgħajjtux u lanqas jaqblu,
muti u torox bħan-nies li jgħammru fiha
li taf l-irġiel u taf il-galantomi
trid tiġbor bħal qaqoċċa ġewwa qalba
il-pretensjonijiet ta’ poplu mżewwaq
ta’ ruħ li tilfet lilha nfisha.
Dil-belt li fiha tlift għall-kemm il-darba
il-fil, għad tista’ għal darb’oħra tgħid xi ħaġa,
li jien nixtieq nismagħha,
ukoll jekk m’għandha xejn xi tgħidli aktar.
Alfred Grech
15/10/2016
No comments:
Post a Comment