Friday, 5 April 2019


Related image

Dmugħ*

U ż-żmien jgħaddi bla jistenna
X’tagħmel għandek jekk tkun trid
Bi-tektika jew żegliga
Jgħaġġel aktar minn għafrid.

Jekk biss lanqas tkebbes xrara
Jew xintilla ta’ bil-lejl
Ħalli ż-żmien tibżax ħa jgħaddi
Hemm l-arloġ iżomm il-kejl.

Min se jibda jdoqq it-trombi
Biex iqajjem lil mejtin?
Min se jgħanni għanja ġdida
Li jgħannuha l-qaddisin?

Jekk imbagħad xi riefnu tqajjem
Trid tkun taf jekk dan l-iskoll
Illi fuqhu ġejjna ngħammru
Il-piż jiflaħ tagħna lkoll.

Hemmx xi ħadd li jnewwel idu
Go dad-dlam tas-sotterran
Hemmx xi anġlu li jħabbrilna
Jew in-nassa ta’ xitan.

Jekk id-dmugħ li qed iġelben
Lanqas taf minn fejn hu ġej
Dan hu dmugħ ta’ ħotbi mbikkem
Tistaqsix għalhekk għalfej’.

Din hu biss disperazzjoni
Dan mhu xejn għajr dmugħ divin
Dan hu dmugħ ta’ ħotbi mbikkem
Illi ġemma tul is-snin


Jien għad noħloq il-burdati
Jew inqajjem uragan
Sabiex ngħatti x’hemm ġo fija
Biex ma tafu xejn minn dan.

Jien ma rridx li li twennes
Għax jien m’għandi bżonn lil ħadd
Lanqas ridt inkun iċ-ċentru
biex madwari jdur kulħadd.

Jekk illum tarani mdendel
Għax xi darba kont minn fuq
Pendestal kont jiena waħdi
Mill-irwiefen ġejt misjuq.

Alfred Grech
05/04/2019

*Lil Liouse Grech li nebbħet dawn il-versi.

No comments:

Post a Comment