Illum
Stennejtha.
Hi
għada ma sabitx it-triq,
it-triq għal għandi,
Tilfitha t-triq illum imqar jekk jiena
ħaffift kemm stajt u sirt eħfef minn qabel.
Tilfitha t-triq inkella għamiltielha
itqal u itwal minn qatt qabel.
Distratt immur niġġerra wara l-friefet
l-ilwien mistħajjla seħer il-qawsalla
jew bżiezaq tas-sapun jinfaqgħu fl-arja,
għax nifs irrid, ftit nifs! inkella nifga’
biex neħles minn kull xkiel tal-klawstrofobja
mill msejjes indannati tal inġenji,
mid-dħaħen infernali tal-vetturi,
ġot-toroq u sqaqien ta’ roqgħa mħarbta,
mill-kotra aljentata li ’ssa belgħet
il-loppju tal-progress u ġid bla rażan,
tal-affluenza u l-ħatfa tal-miljuni,
ta’ ġens bla ruħ li tilef lilu nnifsu,
ta’ numru ta’ bla wiċċ u nies virtwali.
Illum stennejtha tiġi,
illum erġajt fittixt ir-ritmi tagħha
ir-ritmi tiegħi stess, ir-ritmi qodma
il-ħsejjes primordjali li jfakkruni
fil-mewġ li jaf jintona wkoll kull għanja
li tiġi u tmur, tinbidel bla ma taqta’.
Illum erġajt irbatt il-krikk
żammejt il-fren
sabiex inserraħ ftit
dil-qalb għajjiena,
biex nerġa’ nieħu n-nifs
u niġbor ftit tas-saħħa.
Illum fittixt is-skiet li xtaqet hi
għax kienet hi li qaltli
li waqt ta’ skiet hu l-waqt tagħha
u taf titfaċċa ħin bla waqt. . .
u dak il-waqt ikun għal-dejjem.
ALFRED GRECH
Il-Ġimgħa l-Kbira.
19/04/2019
No comments:
Post a Comment