Friday, 15 September 2017




Nixtieq li Ngħix il-Ħajja.
Ippruvajt nikkopja ’l-bieraħ
Meta l-bieraħ għadda u mar,
Waqt li naħseb x’se jkun l-għada
Iżda l-għada qatt ma sar.

Jien nixtieq li ngħix il-ħajja
‘Mma kif ngħix qatt ma staqsejt,
Jiena xtaqt li ngħix il-ħajja
U għadni nagħqad dawra mejt.

Jiena xtaqt li ngħix il-ħajja
Ta’ bla saqaf, vagabond,
’Ma fuq dari lewn il-kwiekeb
U tal-qamar jiddi tond.

Jiena xtatq li ngħix il-ħajja,
U xtaqt ngħixha jien bħan-nies,
Imma qatt , ma wieħed jista’
Jinsa’ ’l-bieraħ, jgħix bla qies.

Jien nixtieq li ngħix il-ħajja
Li m’għexthiex, u dan hu fatt,
Nibqa’ ngħix u nibqa’ sejjer
Qisni ngħix u ma mmut qatt.

Alfred Grech

15/09/2017

Thursday, 14 September 2017


Għaliex.
Għaliex qed tinnaviga f’dawn l-inħawi
fejn dejjem kont  maħkum
mill-ġibda tas-sireni, fejn kont in-nawfragat għal kemm il-darba?
Għalfejn qiegħed issalpa
hawnhekk f’dal baħar baxx, hawnhekk fejn hawn l-iskolji,
fejn hawn il-fdal tal-għarqa fil-wiċċ jgħumu?
Int is-sibilla li tbassar il ġejjieni.
Int is-sirena tal-għanjiet alluċinanti.
Inti l-kewkba tal-punent li magħha kont nimmarka.
Int kont in-nida fuq il-weraq tirrifletti
it-trasparenza.
Għaliex erġajt fil-maqdes biex tirxoxta
It-tifkiriet li għad m’għandekx
biex titla ‘l-fuq mir-rwejjaħ tar-riħana
jew tal-inċens jekk dejjem kont id-debħa?
Għax bdejt kapitlu ġdid jek taf
li t-tmiem jimmarka l-ġrajja?

Alfred Grech

14/07/2017

Wednesday, 13 September 2017




132.

Aktarx għax kien ir-riħ li ħsibijieti
Bdew jitferrxu, u l-għana tas-sireni
Beda jbatti mat-tinwieħ tal-urieżaq.
U kif nisimgħek tridni b’dawn il-ħsejjes
Ta’ moħħ li qed igedwed il-ħin kollu,
Tal-Jien li qed ifittex il-jedd tiegħu?
Kif trid nisimgħek jien, jekk mhux  fit-tebqa
Tal-ħemda tisgħar l-umdita’ tal-lejla.
Kif trid nisimgħek jien jekk qed nittarrax
Bl-inkwinament tal-ħsejjes tal-inġenji
Li ħallfu li jeqirdu ta’ dil-ġżira
Kull ftit art, li bagħet bla mittiefsa.
Kif tridni li nisimgħek jekk jien baħalhom
Bdejt nemmen kull ma ġew biex ibellgħulna.

Alfred Grech

13/09/2017

Tuesday, 12 September 2017



XXVIII.

Miġbud minn saħħa kbira jien ħassejtni,
Qawwa li ma nifhimx u lanqas nara.
Imqarr li ġejja minnek jekk ħabbejtni
Bħal-ħuta kont, miġbuda mis-sunnara.

Għaliex ukoll f’nofs l-aqwa tat-taqbida,
F’sikkti ma konts, u ridt inċedi l-armi.
Sibtni aħjar, il-barra mit-taħawida.
Kullma ħaqqaqt, mit-tieqa kelli narmi.

Ma nafx min kien, jidhirli ġie u qalli
Li kull ma kien, u kull ma sal-lum ġara,
Hu sagusant u ċar daqs il-kristalli,
Hu l-isbaħ ġrajja. Jgħaddi ż-żmien, tindara.

Fil-beraħ tal-għelieqi l-ħolm ħarrabni
Xħin l-ajru kien bukkat, żvoga u xarrabni.

Alfred Grech
30/10/2010


Monday, 11 September 2017



Ma Nafx Għaliex Tarani.

Ma nafx għaliex tarani trid ninbidel
U tgħid li jiena bqajt kif kont u qatt ma nbdilt.
Għax jien ninbidel ta’ kulljum u nibdel fehmti
Mill-lum għal-għada.
Għalhekk ma nafx għaliex qed tgħid
Li jien qatt ma ninbidel.

Int issa tgħid li lili lanqas tifhem,
Għax jiena sirt gwardjan tas-solitudni,
U bnejt ħajt għoli ħafna mingħajr twieqi,
Mingħajt bibien, u barra lanqas noħroġ.

Jien qatt ma kelli ħajra illi nbdel
Lil xi ħadd u lanqas lilek,
U jisgħobija ferm narak inbdilt
U ta’ kull darba li staqsejt xi trid mingħandi
Bqajt ma fhimtekx
U ħallejtek tinfexx fl-istinti primittivi
U seduzzjoni.

Alfred Grech
11/09/2017


Sunday, 10 September 2017



U Lilek Fejn Immur Infittxek?

U lilek fejn immur infittxek?
Li mhux għaliex għajnejk għandhom mil-lewn tal-qamar
xufftejk tal-bronza li jrażżmu l-qawwa kollha
bil-qilla tal-ilsiera
jien ma nsibx tarf.

U lilek fejn immur infittxek?
Fi żmien xħin il-ħarifa titla’ tixxabbat
mal-ħitan tas-sejjieħ
qabel isir tard wisq li qalbi nerġa’ nberraħ.

Jien ngħannqek bit-tgħannieqa
li ddawwar l-univers
u tfittex il-konfini ta’ sema dejjem jikber.

Jien ngħannqek waqt li mxekkel
fl-arena fejn jiġġieldu l-gladjaturi.
U ngħix għax qed tgħix int u naf li fija tagħraf
dak kollu li jeżisti.

Alfred Grech

10/09/2017

Saturday, 9 September 2017



Jien Ma Baqgħalix.

Jien ma baqgħalix saħħa nikteb strof’ oħra minn dil-poeżija.
Jien ma baqgħalix il-leħen xi nsemma qalb din il-geġwiġija,
Lanqas il-leħma li biha nista’ nkebbes in-nar divin fis-skiet.
Għandi biss ix-xita rxiex li ssaqqi u ssaqqi
Biex tinbet u xxettel il-ward ta’ġewwa l-ġonna.
Baqgħali biss is-sabar li noqgħod hawn nistenna
Imqar li għad jinqala’ riefnu, riħ ta’ siegħa
Li jerġa’ jqanqal it-tbissima fuq dan l-andra
Tal-apatija, sabiex flimkien mal-għabra li tgħammex l-għajnejn
Jiddeffes ftit tas-sens ardit qalb  l-amneżija.
Mill-bqija, hawn se nibqa’, għannej trankwill, qadim,
Nistenna li għad trid tiġi s-seigħa
Ikkundannat mil-loġika suprema
Li nisparixxi.

Alfred Grech

09/09/2017