Sunday, 13 January 2019


Fi  sliem li ma jsellimx
maqsum fi tnejn u mperreċ
mal-mewġ li ma jidhirx
tiela’ u nieżel
u l-moħħ li ma jsegwix
id-dwejjaq li jwersqu,
wiċċek jitfaċċa ipotesijiet possibbli
jistkennu għad-dell tad-dielja
jissemmew l-urieżaq muti
jsajjru l-għeneb li ma jxenxilx.

Jiena u inti
nistkennu  taħt dil-ħarruba
li taf il-ġrajja tar-raħal.
Nistħajjlek kont sibilla tħares lejja,
b’idejk marbuta
u bi tbissimma fuq xofftejk
bħal donnok taf li dad-destin
mhuwiex għalina,

Fuq mewġ il-baħar jaslu dawk l-aħbarijiet
li ma rridux nisimgħu
it-tħabbir mingħajr id-daqq tat-trombi
jew dak li konna nafu
fil-purċissjoni ta’ wegħedet
li darba konna għamilna lil xulxin
u taf ukoll li l-ħalf li konna ħlifna
m’għadux jorbotna.

Alfred Grech
13/-1/2019

Saturday, 12 January 2019




Għax Int.

Għax int bħal serafin fil-bieb tal-Għeden
Ma tħalli lil min jgħaddi u jidħol ħadd,
Tkeċċili  l-ħsibijiet ta’ kull mar’oħra
Biex bħalek nibda ngħid li ma sibt qatt.

Int taħsel twebbes rasek daqs ta’ blata
Imdawwra xahari mimli xewk u għollieq,
Jekk tiġi l-fewġa tmewweġ ma kull radda
Ma tkun ta’ ħadd u tagħti wkoll bis-sieq.

Jekk ta’ madwarek jitlef l-għaxqa tiegħek,
Int tibda tonfor titlef il-miżien,
U bħal gwerriera tarma tarka u xabla
Tiġġieled l-għadu u tagħti fejn kien kien.

Alfred Grech
12/01/2019




Anġlu Ġdid.

Jinżel qawwi d-dlam ta’ lejl bla kwiekeb
Il-ġibda tiegħek kibret wisq,
Għalxejn imlejt widnejja kollha xema
Għax l-għana tiegħek qatt ma stajt ninsieħ.
Mhux l-għana
Iżda l-vleġeġ li bdejt tifa’
Fatali ta’ Eros it-tigiż,
Id-daqqa t’għajn
U l-baħħ t’a fuq xpfftejk,
Il-ħoss tal-infinit li jidwi f’widnejja.
Bil-wegħediet tiegħek
Li għad tagħmilni anġlu ġdid.

Alfred Grech
12/01/2019

Friday, 11 January 2019




F’Għajnejk il-Fond Bla Qiegħ.

F’għajnejk il-fond bla qiegħ
ta’ min hu mixgħuf
u wiċċek jixhed il-ħmura ta’ filgħodu
u l-ilwien ta’ min qalbu ma jaqtax.

Xuftejk marsusa bħallikieku jridu jaħbu
Xi sigriet
Fil-kurrent mal-folla għaddejja
Bħali
Iżd’inti tispikka.
Jien bħalek nikkumbatti l-kurrenti taż-żmien
U r-rotot predestinati
Ta’ ferrovija misjuqa bla xufier.

U bħalek ridt nisfida
B’dak li għandi f’wiċċ l-allat
U għalhekk ikkastigat
U għalhekk ġejt infittxek
Biex nara lili nnifsi f’dik il-qawwa
Li sadanittant
Kont ħsibtha li telqitni.

Alfred Grech
11/01/2019

Thursday, 10 January 2019




I WOULD WANT TO.

I would want to close myself inside a  locket
which you will hang around your neck,
so I can feel the flow of your blood
in the pulses of your veins
and the sequence of your  heart beat.
I would want to sit in silence
and refrain each word you said
and the sweet sounds that you whispered
and savor in the emptiness of a room
the depth and the weightiness
of each and every syllable.

Alfred Grech
10-01-2019




Irridek.

Irridek taħraqni sew
Bin-nar tal-esuberanza tiegħek
Fuq il-gradilja tal-ħeġġa li tħeġġeġ
Il-benniena ta’ mwejġiet li qanqalt fija
U tismotni biż-żejt jaħraq
Tal-balzmu fuq il-ġamar ta’ tmellis idejk
U l-ħlewwiet kliemek.

Irrid nintilef f’dak il-paradoss
Ta’ għamad ħieles ta’ ħdanek trasfigurat
Li jittrasmetti kull sensazzjoni
Li tiżboq ħolm il-bniedem.

Imbagħad irridek taqbadli jdejja
U tniżżilni fis-saltna tal-abbissi
Fis-saltna ta’ Hades
Biex jien nifdik mill-ġdid
Bl-għana ħieles ta’ Orfew.

Alfred Grech
10/01/2019

Wednesday, 9 January 2019


Image result for looking for you

Jien Missni Qbadt u Tlaqt.

Jien missni qbadt u tlaqt
Minflok li qed infittxek
Iżd’ inti tfittex qiegħda dak
Li trid ma jispiċċax
Trid l-ewwel tgħix dak kollu illu jkissrek
Imbagħad tgħix dak li hu sabiħ għal dejjem.
Xi ġralek issa? Waqajt fis-skiet?
Inkun għalik il-kelma tal-profeta
U inti għalija ħarsa, nkella żball.
In-nies kas tiegħek lanqas jagħtu
Jekk mhux biss fl-impressjoni,
Iġorru l-preġudizzju tul ħajjithom
Bħal portafoll tal-flus.
Titbiegħed kemm titbiegħed mhux se tasal
U min dunbietek ma taħrabx għax aktar tghejja
U xħin jilħquk issib li tkun bla saħħa
U ċċedi l-armi.
Iżda mbagaħd jekk tkompli tmur lilhinn
Issibek biss min lest li jkompli jimxi.

Alfred Grech
09/01/2019