Tuesday, 21 May 2019



Related image

Għada.

Jien naf li nilgħab qed man-nar
u f’ħin jew f’ieħor għad ninħaraq.
Jibki mbagħad vjolin li qatt ma tmissu
bil-melodija li ma sawwartx.
Pulzier, pulzier qed noqrob lejn ix-xifer
sakemm ikolli naqbeż,
inkella nerġa’ lura
u naqa’ għaċ-ċajt.
Għaliex għada qatt ma wasal.
għaliex għada jġorr il-biża’ tiegħu
bħall-ħmura ta’ f’l-għaxija
hekk kif ix-xemx tkun nieżla.
Biżżejjed hu għall-jum il-ħażen tiegħu
kemm trid,
imm’għada joqrob ma kull pass
u twaqqfu ma tistax.
għaliex għada trid tinsieħ,
bħall-mewt li twieldet miegħek
u tibqa’ tgħix għall-dejjem.
Għax għada hu bħal ħrafa
li lanqas trid temminha.

Alfred Grech
21/05/2019


Related image

Fuq Din in-Naħħa.

Fuq din in-naħħa mġennba ta’ dil-perċa
Fejn inti ġejt tistaqsi dwar it-temp u l-klima
Għax ħsibt li xħin tivvjaġġja tbiddel il-viżjoni
U x-xemx tiddilek isbaħ minn din-naħħa,

Fuq din in-naħħa tax-xaqliba
Fejn ħsibt li ser issib is-skiet u l-ħemda
Ħarist f’wiċċ dal-miskin
U sirt narċiża.

Fuq din-in-naħħa  tal-munġbell li raqad
Fittixt mingħajr ma sibt
Il-meravilja,

Kun af li ħadd ma jista’ jagħmlek ħienja
U dan hu tarf tat-triq it-twila,
Li dan hu simulkakru
U li f’dil-ħajja xejn ma kien li jibqa’.

Alfred Grech.
21/05/2019

Sunday, 19 May 2019



Related image


Għad Jiġi Żmien. (2)

Għad jiġi żmien li mhux fil-bogħod
xħin ma tistaqsinix
mnejn ġejt u trid tagħmilha ta’ anġlu
u ta’ xitan biex tifhem it-taħbiriet li jmieru lil xuxlin
imqar jekk il-qawsalli issa nsterqu
minn kwiekeb li waqgħu. mid-dekadenti,
u trid tkun tassew int it-trasparenti
daqs nixxiegħa ta’ ilma ġieri
biex tifhem kliem is-serpent li jittradik
u jkaxkrek qalb il-ħmieġ tal-opulenza.
Mill-bqija, tiġġerra kemm tiġġerra
qalb it-toroq ta’ Damasku
qalb it-toroq tal-ibliet u tal-irħula
ta’ dawn il gżejjer iffullati u fgati
qalb l-uċuħ mistħajjla u aljenati
li lanqas biss jingħarfu mit-tallaba.
Jien l-iblaħ f’tarf l-irdum għax m’għamiltx bħalhom
nittallab ftit tad-dawl u tal-ispazju
mingħand id-demiurgi li ma nafomx
ta’ mingħajr maskra
biex fl-aħħar bdejt ukoll intenni magħhom
li dan tassew ħelsien.
In-nies għaddejja u tinbqa’ għaddejja purċissjoni
mingħajr ma taf għalfejn,
mingħajr ma tagħaraf lilha nfisha
għaliex qed tfittex triq il-ġenna li tilfitha.

Alfred Grech.
19/05/2019.

Saturday, 18 May 2019


Related image
Stajt Kont Jien.

Int stajt kont biss l-iskuża
biex jien ninbidel f’ġenju kkastigat ġo lampa,
Inkella biex nitfixkel fix-xibka
li ntiżġet biex taqbad l-anġli,
trabokk issiġillat li stajt naħarbu
li ma kienx għal dan il-ħolm li blajt
bħal nifs duħħan tabakk tal-pipa,
wara snin intir u ninżel fil-mitjar ta’ art
imbiegħda.

Stajt kont jien l-żvinturat
il-vitma tas-skiet kewkbi,
jien stess l’għafast il-grillu
ta’ mħabba mejta u rwejjaħ minsija
ta’ dellijiet jirtogħodu,
ta’xemx li nġarret ma mewġ il-baħar.

Jien stess li qtajt il-kurdiċella
ta’ ħajja ġdida.
Jekk kien miktub minn dejjem
li nerġa’ naqa’ ġo dil-ħofra
la hemm xi tgħid u lanqas x’tagħmel.
Biss issa rrid inħabbel rasi kif nerġa nitla’
għax issa din saret qisha drawwa.

Alfred Grech
18/05/2019



Friday, 17 May 2019




Int u Jien.

Int u jien bħal żewġ fanali jiddu
Fil-baħħ tal-infinit
Naħsbu l-istess ħsieb u nispiċċaw
Avviż għal min ibaħħar.

Int u jien żewġ galleriji qed jitperċċu
Fuq toroq paralelli li ma jiltaqgħu qatt,
Insellmu lil xulxin u ‘l-kull min jgħaddi
Bla ma nitkellmu,
Iżda t-tnejn li aħna nafu
X’għandna ngħidu.

Bħal ħares trasparenti fuq wiċċ l-ilma
Li ma jilmax imqar taħt qamar kwinta
U l-ferħ ta’ ġenn iżerżaq biss ħlewwithu
Fiż-żiffa ta’ filgħaxija.

Jiena nħoss ir-riħ tat-tnegħid tiegħek
Jonfoħ fuq spallejja
U kull tant żmien ikolli nqum mill-gdid
Mill-ħmar il-lejl li fiħ nintasab
Xħin l-għanja misterjuża tħalli l-kwiekeb
Ipetptu.

Alfred Grech
17/05/2019

Thursday, 16 May 2019

Image may contain: one or more people, sky and outdoor


Baqgħu Ġejjin l-Ibgħula.

Baqgħu ġejjin l-ibgħula
Għax isem agħar minn dan ma jgħoddx għalihom
Sagrilegi u desakranti u tal-mistħija
Iqattgħu fil-blat aħrax u jiżvinaw
Dix-xbejba li rat wisq f’ħajjitha
B’difrejn li ma jafux
M’hemm  l-ebda ħniena.

Għalxejn tlabnihom u krabnielhom
Dak hu wirt sagrosant
Dak hu wirt tagħna
Ħalluh għal min għad irid jiġi.

Għalxejn inġbarna lkoll bi ħġarna
Bil-ħeġġa tagħna u bin numri
Għax jidher li m’hawnx setgħa li twaqqafhom,
Inkella s-setgħa qiegħda magħom
Inkella jħarsu l-hemm u jħarsu l’hawn
U jagħmlu ta’ bir-ruhhom
Li saru għomja u torox.

Alfred Grech
16/05/2019

Wednesday, 15 May 2019


Image may contain: one or more people, night and indoor

Bandaltni Waħda Sewwa.

Bandaltni waħda sewwa
Għax taf tipprovokani
U jien ma fhimt xejn  aktar
Għax kollox spiċċa sewwa.

Staqsejt għadekx tiftakar,
Weġibtni bi tbissima,
Bħal kieku kont assenti
Għax ħsiebek autostrada.

Sejjaħtli bla ma rajtni
U jien bdejt naħseb b’qalbi,
Mad-daqqa t’għajn l-imħabba
U b’ruħhek bdejt tibdilni.

Iltqajna t-tnejn fuq sħaba
Mingħajr ma konna nafu
Il-ħajja bħal ħuġġieġa
bin-nar nilgħabu bdejna.

Iltqajna t-tnejn fuq sħaba
U d-dinja bdiet tinbidel,
Inżajna u sibna ruħna
Għarwiena u mhux mill-ħwejjeġ.

Alfred Grech.
15/05/2019