Monday, 5 August 2019


Related image

U Issa Inti Wkoll.

U issa inti wkoll waqaft
Ja mara t’elf mitt ħolma
Li ssoltu tiġi tfesfes ġo widnejja
Tqajjimni min-nagħas ħlejju
tal-apatija
U tirxuxtani
Mil-mewt ta’ min xeba’ jgħix il-ħajja.

Inti ukoll m’għadekx taf tixgħel il mixgħela
ix-xrar efimeru b’għeliem li ħadd ma jħassar
u tħalli minn fejn tgħaddi
il-fwieħa tal-inċens li jikkanċella
fejn qiegħed id-divin
għax issa aktarx li l-ħajra mietet
u kollox jidher dak li kien
bla tama li xi darba għad jinbidel.

Jien nibqa’ hawnhekk
Nagħmel dak li kont nagħmel
Nistagħdar f’din l-għadira
Ta’ dak li tista’ tobsor
U dak li hu bla lostru.

Jien nibqa’ hawnhekk,
Qaddej fidil tal-amar tiegħek
Nistenna li xi darba għad tidirli
Turini kif għad nista’ negħereq
fit-tnissija.

Alfred Grech.
05/08/2019

Sunday, 4 August 2019


Related image

Ejja Nibnu.

Ejja nibnu, ejja nibnu
ejja  nibnu l-flettijiet
biex inżidu għandna
Għall-frustieri bil-mijiet.

Ejja nibnu, ejja nibnu,
ejja nibnu l-flettijiet
għax qalulna issa nistgħu
nagħmlu wkoll il-ħniżrijiet.

Ejja nibnu mhux għalina,
għal uliedna, għal Maltin,
biex nimlewhom b’kull ma jiġi
u bħal fniek hemm marsusin.

Għax il-Malti issa dara
id-dar joqgħod qisu xejn,
jew mal-gvern b’idejħ fuq żaqqu
iċċassat ma jagħmel xejn.

Ejja nibnu, nkomplu nibnu
saħansitra kullimkien,
x’jimpurtana l’għall ġejjieni
fejn tillarga mhemm imkien.

Ejja nibnu nkomplu nibnu
f’orġja waħda mifxulin
għax biex sirna bħax-xadini
nilluppjaw qed lil xulxin.

Alfred Grech
05.08.2019.


Saturday, 3 August 2019


Related image

Lejn Min?

Lejn min triduni ndur
jekk jiena bqajt marbut
ma dak li tgħallimt bl-amment
ma dak li studjajt fuq il-banek tal-iskola?

Lejn min triduni ndur?
is-sema issa ssaħħab,
ix-xefaq iċċajpar
u ċ-ċief inewwħu l-biki
tal-għabex tal-allat!

Lejn min triduni ndur
jekk ebda karovana
ma tidher fuq ix-xefaq
it-trab jgħammex l-għajnejn
u r-riħ isfel kollox dellek?

Fejn min triduni mmur?
quddiem l-allat tan-niċeċ?
nissemma l-ħrejjef tal-storja?
inwettaq riti tal-iskandli u tal-qdusija?
ninfexx fit-tifħir li saħansitra
jistordi s-sriep fil-ħofra?

Fejn min immur
jekk jien kamaleont
imbiddel il-kulur
skond il-madwar?

Alfred Grech
04.8.2019.

Friday, 2 August 2019



Image result for transcending
Jista’ Jkun.
Jista’ jkun li ma nogħġbokx
u xorta tfaħħarni f’wiċċi
u ddur u tgħid minn wara
ħaddieħor kif jinxtara.

Jista’ jkun ukoll li nogħġbok
turini ma tkunx trid
għax ħsibt li din tellieqa
u tul ma tridx żżid.

Jien xejn ma ridt ngħidlek
ħlief dak li għamilt
kien biss mill-qalb ħiereġ
kien biss dak li għażilt.

Nurik kif naħsibha
nurik x’qed inħoss
mill-bqija nsellimlek
u nidħol għar-rdoss.

Alfred Grech
03/08/2019.



Related image

Mazz Tal-Fjuri.

Int tista’  tqis dal-versi mhuma xejn
Mhux ħaġa li trid tgħożżha
Dawn versi li ħierġin
Mill-bir tat-telf mis-sensi.

Int tista’ ma taħsibx li hemm tifsir
Għax huma trasparenti
Bħal qtar tan-nida fuq il-weraq
Ta’ filgħodu li jfur u jisparixxi
Fid-dawl tax-xemx.

Dawn huma versi li ħadu l-ħajja
U ġew ma nafx minn fejn
Intiżġu bla tifsil u ħadu l-għamla
Li qed tara.

Jekk tagħlaq ftit għajnejk issib
Li dawn mhumiex
Għajr mazz tal-fjuri.

Alfred Grech
02/08/2019.


Thursday, 1 August 2019



Image result for alla deriva
Għaddejjin  Bħal Rieqda Mqajjma.

Għaddejjin bħal rieqda mqajjma
minn fuq il mewġ tal-ħolm imsikket
bħal bastiment mistħajjel  li jaf jidher
u ma jidhirx.
Imbagħad nistembħu biex nintebħu
li ż-żmien kien għadda
u ċ-ċpar kien telaq
u li t-tajr tal-passa m’għadux ipassi
minn dawn l-inħawi.
Imbagħad nintebħu li mhux aħna
nħollu l-irmiġġi u nħallu d-dagħjjes
jintellqu mal-kurrenti xħin jofroħ il-baħar.
Imbagħad nintebħu li jkun għalxejn
li nissieltu kontra l-ħalel
għaliex dan baħar ta’ bla xefaq.

Alfred Grech
02.08.2019



Related image

Jien Dawn Ma Fhimthom Qatt.

Jien dawn ma fhimthom qatt
li jiktbu biss sabiex ikunu kitbu
biex jgħaddu l-ħin
u jġiegħlu lill-ħaddieħor isegwihom
għax jaħseb li qiegħdin fuq pedestall
fejn ma jilħaqhom ħadd
jew joqgħod jifli dak li huma stess
mank jafu jfissru.

Jien dawn ma nifhimhomx
li jonfħu ħafna bżiezaq
jilgħabu b’ħafna kliem
u tagħmel trid il-kutrumbajsi
biex tara kif tifhimhom;
imbagħad xħin jiesek taqta’
u dawra mejt iddur
tispiċċa tkun pulit u tgħid: Kemm hi sabiħa!
mingħajr ma tkun fhimt xejn
tibqa’ miblugħ
tittama li jgħodduk
ma dawk l-illuminati.

Jien dawn ma nifhimhomx,
ma fhimthom qatt
u għalkemm irrid nistqarr
li ġieli għamilt bħalhom,
għadni sal-lum
ma nifhimhomx
u qatt mhu ser nifhimhom,

Alfred Grech
01.08.2019