Friday, 30 September 2016


Anqas Naf Għaliex Bdejt Nikteb.

Anqas naf għaliex bdejt nikteb
Dawn il-vrus ma jfissru xejn,
Lanqas naf kif f’daqqa waħda
Dawn il-ħsibijiet minn fejn?

F’liema sqaq int ser teħodni
U timlieni ftit bil-ferħ,
Liema kliem se tq’għed fuq fommi
biex ta’ ruħi tkun is-serħ.

Nistaħbew it-tnejn li aħna,
Nispiċċaw f’xi post straman,
Anki jekk it-temp mhux magħna,
Fuq ix-xefaq, sħab ruxxan.

F’tarf it-trejqa dejjqa, dejjqa,
Li ma twassal għal imkien
Jien stennejtek tiġi lura
U ġġib miegħek dak li kien.

F’dina l-għodwa ta’ riħ isfel
Jien għarrixt ma kullimkien,
Bqajt hawnhekk nistenna lilek
Biex naħarbu t-tnejn flimkien.

Jien stennejtek ser tifaċċa
biex noqgħodu niflu s-skiet,
Jiena nisma’ qalbek taħabbat
Int ittenni t-tifkiriet.

Jiena nikteb għanja ġdida,
Għanja mlewwna tal-ħolqien,
Għanja ħelwa tas-sireni,
u ngħannuha int u jien.

Alfred Grech.

30/09/2016.


Anqas Naf Għaliex Bdejt Nikteb.

Anqas naf għaliex bdejt nikteb
Dawn il-vrus ma jfissru xejn,
Lanqas naf kif f’daqqa waħda
Dawn il-ħsibijiet minn fejn?

F’liema sqaq int ser teħodni
U timlieni ftit bil-ferħ,
Liema kliem se tq’għed fuq fommi
biex ta’ ruħi tkun is-serħ.

Nistaħbew it-tnejn li aħna,
Nispiċċaw f’xi post straman,
Anki jekk it-temp mhux magħna,
Fuq ix-xefaq, sħab ruxxan.

F’tarf it-trejqa dejjqa, dejjqa,
Li ma twassal għal imkien
Jien stennejtek tiġi lura
U ġġib miegħek dak li kien.

F’dina l-għodwa ta’ riħ isfel
Jien għarrixt ma kullimkien,
Bqajt hawnhekk nistenna lilek
Biex naħarbu t-tnejn flimkien.

Jien stennejtek ser tifaċċa
biex noqgħodu niflu s-skiet,
Jiena nisma’ qalbek taħabbat
Int ittenni t-tifkiriet.

Jiena nikteb għanja ġdida,
Għanja mlewwna tal-ħolqien,
Għanja ħelwa tas-sireni,
u ngħannuha int u jien.

Alfred Grech.

30/09/2016.

Thursday, 29 September 2016



Liebsa l-ilbies ta’ Mara.

Strambi dal-kliem li qed nipprova ntenni
u strambi wkoll il-ħsibijiet bħal żraġen
illi jikbru fuq blat għeri.
Dir-ruħ tipprova tifhem għaliex qalb das-skiet
int terġa’ tirritorna
ukoll xħin ġiegħeltni nilgħaq
l-iskart tal-imprudenza tiegħek.
Inti li turini xi ftit mid-dlamijiet li minn daqqiet
jiddellek is-sebħ tiegħek
tgħallimni bosta tagħlimiet
biex noqgħod bogħod mit-tentazzjoni.
Għaliex it-tentazzjoni  bħal xitan
liebes ilbies ta mara.
U issa m’għandix aktar għalfejn noqgħod
insawwat lili nnifsi
intant li m’għadekx aktar importanti.

Alfred Grech
29/09/2016



Xi trid Minn din Il-Ħajja.

Xi trid minn din il-ħajja,
Li jibqa’ ż-żmien għaddej?
Inkomplu fejn ħallejna
Bla taf minn fej’ sa fej’?

U tul il-mixja kollha,
Induru ’l-hemm u ’l-haw’,
La nafu fejn se mmorru,
Suldati jimmarċjaw?

Jew tieqaf ftit u twarrab
U toħroġ mis-serbut,
Il-barra mill-filliera
Imnebbaħ, mhux stordut?

Il-bogħod mill-konfużjoni,
Mix-xifer tal-irdum,
Il-bogħod mill-ħoss tat-tnabar
U l-ġiri ta’ kuljum.

U mhux bil-fors li jkollok
Tweġiba għal li staqsejt,
Biżżejjed qed tgħix issa
U tinsa’ li ħallejt.

Biżżejjed qed tgħix issa,
Tkun tifrex it-tapit,
Li fuqu għad trid timxi
Fid-dell tal-infinit.

Alfred Grech

29/09/2016

Tuesday, 27 September 2016



Jien Nikteb.

Jien nikteb biss biex noħroġ
il barra mill-uġih
ta’ tqanqiliet bla rażan
li jiġu minnufih.

Bħal bżieżaq tal-ispazju
jinfaqgħu ma jdumux,
is-sabar espressjoni
li jmorru u ma jiġux.

Jien nobzoq biss il vomtu,
nisbroffa bħal vulkan
li jogħnos tul is-seklu
u jġemma bla serħan.

Taċ-ċirkustanzi l-magma,
is-seħer tal-waqtiet,
marsus fil-labirinti,
tar-ruh iċ-ċaqliqiet.

Għaddej fuq il-binarji,
Inkella ħmar il-lejl,
Għaddej daqs ferrovija,
u nagħaqad kont, bla kejl,

Dawrien bħal ta’ raddiena
li ddur bil-logħob tan-nar,
jew riefnu li jġorr miegħu,
u kollox tar u mar.

’Mma llum il-ferrovija
bla tmun idderaljat,
stenbaħt. inħlew l-irdieden,
bqajt hawn u nħossni fgat.

Imnalla kelli lilek
bħal ikel tal-allat,
ja poeżija tiegħi
insir trasfigurat.

Alfred Grech
28/09/2016








L-Ispazji Li Ħallejtli.

L-ispazji li ħallejtli
huma l-bibien li minnhom nista’ ngħaddi
għan-naħħa l-oħra,
u nerġgħa mmur fejn konna darba
intennu r-reżonzi tagħna
li jidwu l-infinit.

It-talba tiegħi trid tasallek
bħal dmugħ li mal-ħaddejn iġelben,
inkella l-qtar ta’ xema li weħida
tisfida d-dlamijiet.

L-ispazji li ħallejtli
bħal oqbra l’għad jimtlew bir-rimiżolji
li bihom kienet fgata dik ħajjitna.

Hemm fewġa t’arja friska
li terġa’ tirritorna l-għanja tagħna
dik l-għanja li jien bqajt ma nafx ngħannilek.

Hemm fewġa tirritorna
il-fwieħa tal blanzuni
ta’ fuq l-irdum minn fejn jien kelli nagħmel
dik il-qabża li kien imiss.

Iżda issa nista’ ngħid ukoll
li b’hekk biss nista’ ngħix is-seħer li ħallejtli.

Alfred Grech
27-09-2016


Monday, 26 September 2016



Fil-Baħħ u x-Xejn Jittieħed ta’ Din l-Għodwa.

Fil-baħħ u x-xejn jittieħed ta’ din l-għodwa,
Indifferenti l-kosmos għall-li jiġri
Ma jitkellimx taħt sema nkomprensibbli,
Ix-xemx li tfittex ’l-għada terġa’ titla’.
U tibda ta’ kulljum tiskatta bħali
Burdati li jagħmlulek differenza.
Il-fewġa’ tibqa’ tilgħab siekta, siekta,
Titniehes ma dak kollu li jmeriha.
Stennejt li nsibek hawn fuq dix-xaqliba
Tal-qasma primordjali li ġabitna
Lit-tnejn fuq naħħa waħda hawn skjerati,
In-naħħa tat-tajbin, inejjer bħali,
Il-palm, ir-rand u taż-żebbuġ il-weraq
F’din l-għodwa t’innoċenza trijonfanti.

Tgħid terġa’ miegħi titla’ fuq din l-għolja
Biex tara jekk l-irxoxt għadux jitbissem?
U tgħid ukoll kull pass l-għamilt biex tasal
Kien hekk meħtieġ sabiex isseħħ il-fidwa?

Int tibqa’ għalija dak l-omnipotenti,
Taqlib il-moħħ fuq Tabor risplendenti,
U jiena mbagħad sabiex did-dieqa negħleb
Tax-xejn mhu xejn, irrid mill-ġdid ninbidel
U nsir l-ekwilibrista li kont dari
U naf li jekk tisgarra ftit riġlejja
Ma jkun hemm ebda xibka li tilqagħni.

Alfred Grech

26/09/2016