Wednesday, 1 March 2017



X’Nagħmel Jien.

X’nagħmel jien jekk jisbaħ għada,
Biex insib li bqajt fejn kont,
Ħafna wegħedi, ħafna tama
Li missejt is-sħab fil-pront.

Issa sirt indifferenti
Ngħidlek ejja, ma tiġix,
Kien kull meta nkun ġejt bżonnok
Wiċċek lura u ma tafnix.

Issa sirt indifferenti,
Bżonnok aktar jien m’għandix 
Insejjaħlek għal darb’oħra
Tibqa’ hemmhekk u ma tiġix.

X’nagħmel jien jekk jisbaħ għada,
Jien bqajt wiċċek ma rajtux,
Tista’ ġġibli kemm il-skuża
Issa sehemek ma rridux.

Alfred Grech

01/03/2017 

Tuesday, 28 February 2017



Waqtiet 1

Jien dal waqtiet naqbadhom
Bħal bżieżaq tas-sapun,
Li jġibu ferħ u dwejjaq,
Inkun kull fejn inkun.

Jien dal-waqtiet naqbadhom
Li jaħbtu ta’ kulljum,
Jinfaqgħu ġewwa wiċċi,
Ninsiehom bla ma ndum.

U minnhom għanja nagħmel
U nqum minn bejn l-imwiet,
U xejn ma jibqa’ minnhom
Għajr ftit ta’ tifkiriet.

U nerġa’ nħares lura
U nerġa nibda nduq
Il-ħlewwa li jħalluli,
U nogħola ’l-fuq ’l-fuq.

Alfred Grech

28/02/2017

Monday, 27 February 2017



Ħa Noqgħod Hawn bi Kwieti.

Ħa noqgħod hawn bi kwieti,
Ma nisma’ rrid lil ħadd,
Jirbombja dan l-istorbju
Tal-boloħ, ta’ bla għadd.

Ħa noqgħod hawn niċċassa,
Hawnhekk fil-baħħ tad-dlam,
Mingħajr ma nħares barra
Biex nifhem sew id-dramm.

Irrid li xejn ma nagħmel,
Ħa norqod bla ma nqum,
M’għandix għal xiex nitħarrek
Jew nibża’ li se ndum.

M’għandix għalfejn inħaffef
Fil-ġiri ta’ kulljum
Dan hu tal-ħajja balzmu
Li kellu jsir, mitmum.

Alfred Grech

27/02/2017

Saturday, 25 February 2017














Għaliex Bqajt Naħseb Fik.

Għaliex bqajt naħseb fik,
U l-mewġ kien ġarrni miegħu?
Kontrina ma kien ħadd
U ż-żmien kien għamel tiegħu.

Għaliex ma bqajtx fik naħseb,
tfixkilt fid-direzzjoni,
Għax ħlomt il-ħolm tal-ħajja
U l-baħħ tad-distrazzjoni.

Sewqan perikoluż
Matul il-kors tal-ħajja,
Dit-triq tal-ħafna ksur
Li fiha bqajt nitlajja.

Għaliex ma bqajtx hawn ħdejja
Fix-xkiel ta’ din il-ġrajja,
It-tnejn inġorru t-toqol
Id, f’id tilgħin it-tlajja.

Alfred Grech

26/02/2017


Malinkonija tal-Poeta.

Din hi l-evanexxenza tar-ruh.
Filwaqt li l-ksieħ idallam it-turment tax-xemx mistħija,
Ir-riħ qed jonfoħ il-malinkonija tal-poeta
Li jħobb itenni l-bieraħ mimli biża’
Li jwelled it-tferfir ta’ kull filqgħodu.
Il-ksieħ tassew jinġazza,
Id-distrazzjonijiet tar-ruħ li twieldet fl-ereżija.
Imma hemm irdum fil-ħemda dellija
Li qiegħed biex jisfida  kaskati jgħannu innu ta’ mistħija.
Il-poeta jibqa’ hawn, osservatur estrem
Tal-jien ikkastigat jiġġielet f’nofs l-arena.
Dan hu desert li jifga’ saħansitra l-beraħ tal-enimmi.
Dan huwa ħabs fis-sotterran tar-ruħ.
Il-poeta jibqa hawnhekk fuq dan il-palk
Bejn it-tektik ta’ kull nanosekonda
Fl-eternita’ ta’ numru ma jgħaddx;
Jissemma’ għal kull ħoss mill-bogħod
Li jidwi s-skiet tal-ħemda
Ta’ din l-evanexxenza skonsolanti.

Alfred Grech

25/02/2017

Thursday, 23 February 2017



Fid-Dawl ta’ Filgħaxija.

Fid-dawl ta’ filgħaxija
Maaxl-kwiekeb qed jintfew,
Id-dmugħ ġa beda jġelben,
Waqtiet li jintesew.

Għal wiċċ ir-rih li jinfed
Kull ħarsa u kull tbissim
Iġorrok ma kull ħolma
Jerħik mingħar tislim.

U tista’ tqatta l-paġna
Li tkun ħażżist ħażin,
U terġa’ tikteb oħra
U tkun mal-Magħżulin.

Alfred Grech
18/01/2016





Mal-Bieb tal-Kamra.

Għaliex ġejt iddisturbajtni
Xħin kont waħdi, kkonċentrat
Int ġejt u fxiltli l-boxxla
Qisek wieħed iddisprat.

Kun af ħaġa ħabib tiegħi,
Min bi kwietu hekk ħallieħ,
Għax jekk darba dħalt f’dinjietu
Ħadtlu aktar mill-mistrieħ.

Għax jekk wieħed jixbaħ lili,
Joqgħod waħdu jkun irid
Ma jridx min jidħollu f’ħobbu
Ma jridx min taħwid iżid.

Għalhekk int, jekk hemm xi drabi
Il-leblieba għad tiġik,
Biex tħabbatli, u l-bieb tiftaħ,
Aħseb ftit. Tieħix għalik.

Alfred Grech.
26/10/2011