Sunday, 30 April 2017



Għaliex Qatt Mhu Se Jitla’ Ż-Zejt F’Wiċċ L-Ilma.

Għaliex qatt mhu se jitla’ ż-żejt f’wiċċ l-ilma,
Itambru kemm itambru l-ġurnalisti,
Esperti tal-qlajjiet u l-malafami
Mal-bċieċen li jibilgħu u jisimgħu.
Din hi tellieqa ġdida ta’ min jonfoħ
Duħħan, eklissi u bżar fl-għajnejn bil-ħela.
Minflok il bżieżaq t’arja, s-sensazzjoni,
Bħal inflazzjoni din, qatt ma tinfaqa’.
Din hi tellieqa ta’ min jgħajjat l-aktar,
Ħanġra ta’ ljun li twerwer il-foresta,
Li ġġiegħel lil kullħadd f’qoxortu jidħol
U jaqra t-taħżiżiet mal-ħajt taċ-ċirku.
Din hija aħbar li tiswa’ biss ġurnata,
Daqshekk kullma tkun tiswa din ix-xniegħa,
Għax għada jaġġornawna b’xi qlajja oħra.
Tellieqa din li tkun tal-ewwel paġna,
Tiżżewwaq u tinbidel ma kull siegħa,
Skond min kapaċi jitfa’ xrar ix-xjaten,
Biex aħna nsiru l-ħrief tas-sagrifiċċju.
Din hi tellieqa l’aħna mhux se nirbħu
Għax jirbħu l-qassisin ta’ wara l-kwinti,
Ghax jirbħu n-nisa tagħom, dawk li jservu
L-idejn li jiġbdu l-ħjut tal-marjunetti.
Tellieqa din ta’ min jaf jgħix il-gidba.

Alfred Grech
30/04/2017.




123.

Ma nistkantax jekk ma tiġix għalija,
Għax issa sirt duħħan tal-perċezzjoni,
Sibilla tat-turmenti u tal-fastidju,
bħal xemx li tinżel siekta wara l-kwinti
fuq xefaq mimli ċpar u mimli gideb.
u bqajt ma grejtx warajk , ja profetessa,
għax ma kontx għadni lest, kont qed nitnikker,
ghax naqbad ridt il-brimba qabel tinseġ
l-għajnqbuta ħsibijiet li hemm jittajjru
u l-kosbor ta’ xewqat bħan-nanna kola.
Inħossok bħalma nħoss ir-riħ ma wiċċi,
u l-art tal-baħħ etern li qed titriegħed,
għax issa l-ghanja tiegi bħal taċ-ċinju
għax ma baqgħali xejn xi ngħidlek aktar.

Alfred Grech

30/4/207

Friday, 28 April 2017



Bħal Meta Nħażżeż Id-Dell Tiegħek.

Bħal meta nħażżeż id-dell tiegħek seduċenti,
Nummudellak bit-tafal trasparenti
Biex tersaq lejja tgħanni bħas-sireni
Inkella tas-sibilla trewwaħ
Il- fwar tal-profezija.
Kemm tird nixxierku u nibdlu ta’ xulxin ix-xeħta
U nirxuxtaw u mmewtu tqanqil sagru
Li m’għadu jiswa’ xejn għax simulakru.
Jien ġrejt warajk qalb ward artifiċjali
Ta’ ġonna jfewwħu l-fwieħa minn tal-Għeden,
Imqarr li wara kollox sibt ftit hena
It-triq tan-nofs tinsab fl-għeqqel taqbida,
Fix-xifer tal-irdum, bejn taqa’ u ma taqax
Fejn darba konna ltqajna.
Aħjar jekk siekta u muta
Nimmudellak kif irrid jiena.

Alfred Grech

28/04/2017

Thursday, 27 April 2017



Qed Tibża’ Li Tirxoxta.

Qed tibża li tirxoxta
Inkella terġa’ tqum
Min-nagħsa li ħakmitek
Ta rqad li ser idum.

Sakemm int b’moħħok taħseb
Daqshekk iddum stordut,
U tibza’ li tistejqer,
Għat-tul mal-art mixħut.

U tibqa’ din l-imħabba
Għal din l-identita’
Ta’ ħajjtek tkun id-drama
U ssir eternita’

Il-Jien iġorrok miegħu
U tibqa’ hekk issummast,
Sa tarf l-irdum iwasslek,
Biex tibqa’ skonsolat.

U ssib is-salvazzjoni,
Għalkemm iddiżgustat,
Fejqan mill-marda kronika
Xħin tkun hekk aljenta.

Jien nikteb dawn il-versi,
Biex nibqa’ bħal miżien,
La naħħa u lanqas oħra
Ma mmil, ma mmur imkien.

Għax malli naqbad naħseb
Jinqala’ l-uragan
Biex aktar enerġija,
Tinħela f’għerf bħal dan.

U bla ma qed nintebaħ
Qed noħloq teatrin
F’did-drama ta’ dil-ħajja
Li fiha ngħix kull ħin.

Fil-logħoba tal-kuluri,
Kuntrast bejn dak u dan,
Hemm ħemda li tinfidha
U ġġib mill-ġdid serħan.

U qalb l-evanexxenza,
U qalb it-tibdiliet,
X’hinu li jibqa’ għall-dejjem
Li l-paċi jġib fis-skiet.

Alfred Grech
27/04/2017





F’Dal-kaldarun Ta’ Soppa Tbaqbaq

F’dal kaldarun ta’ soppa tbaqbaq
Li aħna l-plebej qed nagħalu ġewwa fiha, għidulna intom l-alkemisti
Tas-sewwa li tafu tbiddlu l-ilwien tal-qawsalla,
x’inhuma l-għażliet tagħna
aħna li magħkom ngħammru ġo dir-roqgħa art imtarrfa
fil-perifiji tal-fruntieri lluminati
ta’ kontinent li belgħa l-vixxri tiegħu
qalb dir-rettorika qadima ta’ tqasqis, tkeskis u tal-velenu.
Għax aħna sirna tfal mill-ġdid, orfni mingħajr għażla.
Xħin titla’ x-xemx mill-ġdid ta’ kull filgħġodu
Fuq liema minaret ser tiddi l-kewkba,
inkella fuq il-kampnar ta’ liema knisja jisseqqru
it-tajr tal-ħtif estint ta’ dan nisel
li xi darba jgħammru kienu
fuq ix-xfar tal-ogħla ġebel.
Liema sentinella sejjra tidwi
Inkella tirrispondi l-ħbit barrani
Ta’ min bil-ftit il-ftit, taħt skuza nkella t’oħra
Qed jisirqilna dak li hu tagħna,
Jinsobna biex jindiehes u demmu jħallat
Mal-għerq tan-nisel tagħna.
Għidulna intom, l-għorrief u l-viżjonarji
Jekk għadx jibqa xi wild ta’ dawn il-gżejjer
Li jagħraf lilu nnifsu jew lilkom,
Intom li triduna nemmnu fikom,
Fil madmad u fil-jasar tal-kuxxjenza.   

Alfred Grech
27/04/2017

Wednesday, 26 April 2017



Kliemek.

Kull kelma li kont għidli
Tiżżerżaq bħad-dmugħ li jġelben
Miżiep li jferra fil-bir bla qiegħ
Ta’ moħħi.

Insir tellieqa waħda
Fil-ferrovija ta’ kuljum
F’binarji li saru ċirku
Li drajt indur ġo fih.

Kull kelma li kont tgħidli
Bħal zveljarin li jrid jaħsadni
Ħa nqum min-nagħas,
Ta’ l-għaġna li għaġnitni
Biex nerġa’ nibda nfittex
Fejn hu posti.

Kliemek bħal balal tal-kanun
Li jifqgħu, jisfrundaw u jħarbtu
t-torri li kont bnejt
Dak kollu li kont nemmen.

Alfred Grech.
26/04/2017


Tuesday, 25 April 2017



Jien Niġi Nbennen.

Jien niġi nbennen imqar waħdi
B’dan moħħi ħsibijietek
Biex naħtaf bejn idejja
Dak li tassew tixtieq mingħandi.

Jien xtaqt li dejjem noqgħod fil-miżien ruħek
Għax naf
Li fil-fond t-għajnejk hemm is-sewwa moħbi,
Is-sewwa li ma nafx
U li xi minn daqqiet
Tkun taħbi bħalma taħbi
Ix-xejn tal-infinit.

Xħin naqsam il-fruntiera ta’ bejni u bejnek,
Jien niġi dritt niltaqa’ miegħek
Biex int ma tintilifx qalb l-agħa tal-folla
Inkella qalb il-ħafna kliem,
Inkella qalb l-istqarrijiet jew skużi
Li jaqblu u ma jaqblux man-narrattiva.

Xi darba mbagħad insibu triq
Fejn int u jien weħidna nterrqu.

Alfred Grech.

25/04/2017