Monday, 2 April 2018




Għax Aħna Konna Nafu.

Għax aħna konna nafu li din mhijiex it-triq
U mbagħad bdejna nwaħħlu f’xulxin
Xħin sibna li konna ntlifna
Fil-labirint tal-espressjoni.
Għax aħna għamilna bħalma rajna
Lill-ħaddieħor jagħmel,
Mingħajr m’għamilna eżami tal-kuxjenza,
Jew staqsejna lil xulxin jekk dak
Kien jgoddx għalina.
Illum li kbirna u ntbaħna
Li l-ħtija mhijiex tagħna
Nistgħu nibdew biex naħfru lil xulxin
U lilna nfusna.

Alfred Grech
02/04/2018




Sunday, 1 April 2018




Il-Mit tal-Irxoxt.

Jiena li infidt il kustat tad-dubbji
tal-freneżija u l-qtigħ il-qalb
u intlift fit-trasfigurazzjoni
ta’ bniedem mixli u xxurtjat,
ma kellix bżonn qawmien mill-mewt
biex nixoxta f’dinja ġdida.
Jekk inqum mill-mewt
ikun biex inpinġik jew nagħmel minnek
fuq sħaba bajda dik i-ikona
li ssir l-għaġeb tad-dinja.
Għaliex is-seher tal-misteru
iġib il-ħmar il-lejl u l-ossessjoni
tqanqil it-toqol li jegħereq aktar fond
fil-bir bla qiegħ tal-eżistenza,
fejn jien xi darba kont xhud tiegħi stess
u ħadd ħlief jien innifsi
mingħajr rakkmu
u mingħajr frilli
xħin messejt tarf l-univers.

Alfred Grech
Għid il-Kbir 01/04/2018




Lil Sunta.
Hekk biss irridek jiena,
liebsa l-ilbies li jaqbel mingħajr il-ħafna frilli,
biex ngħidlek kemm nixtieqek
imbagħad tifhimni  tibda  kull meta jitla’ l-ajru.
Hekk biss irridek jiena,
bħal xewqa f’tarf l-eklissi
tirradja qiswk kewkba
biex nifrex it-tapit u lilek nara
għaddejja bħal reġina.
Jien nibqa’ hawn trasfigurat,
 l-ammiratur ewlieni.
Hekk biss.
għaliex kull salt li nagħti
jien nagħmel kutrumbajsa
u nifrex id-duħħan tad-dmugħ
sabiex ħaddieħor lanqas jifhem.
Imm’int tifhimni.

Alfred Grech
01/04/2018.

Saturday, 31 March 2018




Efimera dilajja
iffinanzjar virtwali
m’hemm xejn  li jibqa’ għal dejjem
munita din virtwali.

Jekk int fuq naħħa għandek
is-snin tal-pusvalenza
tektika n-nħħa l-oħa
tas-susa fis-sekwenza.

Miżien imdaqqas f’sikktu
u m’għandek xejn kull naħħa
tal-alġebra tidqisa,
fin-nofs duħħan bla saħħa.

Alfred Grech
31-03-2018

Friday, 30 March 2018



Aħna nafu.

Aħna nafu iżda nemmnu li mhix din il mantra tagħna
Mhix it-triq li trid twassalna sabiex ninfdu swar lilhinn
Aħna nafu li mhux dan huwa r-rużarju biex insemmgħu
leħen fqir li jrid jasal sal-konfini
ta’ li hu jew seta’ kien.
Aħna nafu li mhix din il-purċissjoni
lanqas din m’hija l-filliera li trid twassal
min nisel għal nisel
minn żmien għal żmien
ta’ dil-mixja fid-deżert li trid tirfes fl-art imwiegħeda.
Din hi biss stennija t’għada,
jew irxoxt perfezzjonat.
Aħna nafu dak li l-bieraħ qal ħaddieħor
dak li qajla jagħmel sens
sabiex sforz lanqas ma nagħmlu
sabiex naħsbu nkella nindmu.
Aħna nafu! Madankollu nippreferu
illi nemmnu biss fl-allat
illi nemmnu fil-maġija
fit-teatru tal-assurd.

Alfred Grech
30/03/2018

Thursday, 29 March 2018




Għal Min il-Kwiekeb Għandu.

Għal min il-kwiekeb għandu ġewwa qalbu
Il-lejl imdawwal dejjem:
Aħna li sa mill-bidu stajna mmissu
Is-sema b’subgħajna,
Ma bbastajniex bil-qċaċet tal-muntanji.
Lilkom ħallejniekom hemm fl-art
Timtlew b’ħafna arja sħuna
U d-doqqu tnabar li mank biss jinstemgħu
U trombi muti
Biex taljenaw irwieħkom bil-ferħ adulteru.
Aħna spiċċajna hawn fuq dan is-sħab
U qajla sejrin ninżlu
Fl-art, nitħalltu mal-bnedmin,
Jekk mhux għax hekk jinħtieġ
Jew biex insarrfu.

Alfred Grech
29/03/2018

Wednesday, 28 March 2018




Deżert ir-Ruħ.

Dal-waqtiet għal dejjem jibqgħu
Imdendlin hawn fil-preżent
Iżda li l-mili li firduna
Xejn ma jfissru għax kuntent.

Ġod-duħħan, ċpar tat-tnissija
Sibtni waħdi, sibtni kwiet,
B’din ir-rieda biex inkisser,
Dak li jxekkel, kull drawwiet.

F’dan deżert lli fih interraq
Lejl u nhar għal ħafna żmien
M’hemmx il biża li jirxoxta
Dak li għadda u seta’ kien.

F’salt ftakart! Dan mhux eżami,
Dan hu biss ħasil ir-ruħ,
Qtajtli l-għatx, il-ġuħ bil-manna
Ġod-deżert m’hemmx ward ifuħ.

Alfred Grech
28/03/2018