Tuesday, 31 July 2018


Image result for canvas nude silhouettes

Min Jaf Hux Kollox.

Min jaf hux kollox attaparsi
Int kieku lanqas tgħidli
Għax inti attaparsi tħallini fl-għama,
l-għama tal-boloħ.

Int tgħidli li fl-ikbar u fl-iżgħar
Kollox jiċċajpar,
Ma jibqa’ xejn distint
U l-ebda xefaq ma jifred
Is-sema mill-baħar.

Sadanittant ix-xemx
Titla’ u tinżel kulljum
Minn wara x-xefaq
Siparju jieħor li jostor
Simulazzjoni.

U jiena qmara ieħor
Fl-orbita bla naf
Tal-qawwa ta’ sbuħiek.

Alfred Grech
31/07/2018

Monday, 30 July 2018

Image result for george mizzi painting

Li Kieku Fhimt.

Li kieku fhimt għaliex kont qed inwerżaq,
Ma kontx iddawwar wiċċek
U tagħmel ta’ bir-ruħek mintix tisma’,
Għaliex is-skiet tqil wisq
U tat-twerwir.

LI kieku fhimt il-freneżija li qabditni
Kont taf li dan hu diwi
Ta’ ħsejjes aktar fondi
Jirbumbjaw l-stunaturi nfantili.

LI kieku ħallejtni nterraq waħdi
Aktarx li ma kontx nasal f’tarf id-dinja,
Kont nibqa’ miexi wara dik il-kewkba
Ta’ mingħajr xuxa
U nispiċċa ninnamra magħhha.

Alfred Grech
30/07/2018

Sunday, 29 July 2018


Image result for vaginal dryness in art

Kemm Qed Inħossni Xott.

Kemm qed inħossni xott,
din nixfa mhix sajfija
għalkemm l-imrewwħa ddur
iż-żiffa mhix għalija.

Kemm qed inħossni xott
kemm tista’ tkun bi tqila
trid terġa’ tiġi ż-żiffa
biex twelled xi tqanqila.

Kemm qed inħossni xott
bħal-għajn tal-ilma ġieri
li qatgħet, bħal kliem
li jidħol fil laħam ħaj u jfieri

Alfred Grech
29/07/2018

Saturday, 28 July 2018


Related image

Jien Insejjaħlek.

Jien insejjaħlek
Iżd’inti ma tiġix,
Għax tibża’ li tinkixef
Fl-għera tiegħek.

Jien insejjaħlek
Iżd’inti ma tiġix,
Jien naf li hemm qiegħda
wara l-kantuniera,
Jien nibqa’ nistennik.

Alfred Grech
28/07/2018

Friday, 27 July 2018


Image result for the curse of development

Jekk Toqgħod Hawn.

Jekk toqgħod hawn ma titkellimx
jien nimla’ d-dinja tiegħi bis-skiet tiegħek,
u noqgħod jien ukoll nistenna bħalma l-lejl jistenna d-dellijiet
ma tlugħ ix-xemx filgħodu,
sakemm nistordi bl-aħħar hoss ta’ xi xi vettura
għaddejja ġġor quddiemha l-ħoss marsus
u warajha kuda twila.

Imbagħada għad filgħodu, xħin id-dellijiet jaħarbu
ejj’għanni l-għanja tal-għasafar fuq il-friegħi
qabel ma jaħarbu:
ejj’imla l-ġonna bil-ward tax-xemx
u bl-ilwien ta’ kull ward’oħra
qabel ma tinbena u timbela’
l-aħħar roqgħa rt.

Alfred Grech
27/07/2018



Kif Nagħmel?

Kif nagħmel ma nitlax
It-tarġa’ bħal ħaddieħor,
Jew nidħol fl-ingraġġ
Tal-wieħed jew tal-ieħor?

Kif nagħmel ma nweġibx,
Għal dak li jgħidu ’l-bqija
U ngħaddi bil-pulit
Bla jieħu ħadd għalija?

Kif nagħmel għidli ftit,
Għax għadda daż-żmien kollu.
Dir-rassa u dal-irbit
Ma nafx kif ser inħollu?

U nagħraf lili stess
Fil-baħħ u x-xejn taċ-ċaħda,
Nistaqsi kif għaddew
Il-granet, waħda, waħda.

Alfred Grech
27/07/2018

Thursday, 26 July 2018


Related image


Godiva.

Hekk hu s-sabiħ tal-ħajja,
Joħorġu versi ħielsa,
Xħin tinżel sħaba sewda,
U tgħatti ħarstek mielsa.

Ja mara t’elf mitt ħolma
All’ ieħor jien noħloqlok,
Biex toħroġ minn ġol-ġaġġa
U timraħ kif jistħoqqlok.

U tirkeb fuq iż-żiemel
Tisfida bl-għera tiegħek
U tgħaddi minn ġot toroq
U ġġorr is-sewwa miegħek.

Noħloqlok ġenju akbar
Minn dak tal-abitudni
Tas-setgħa jew tal-qawwa
Twemmin jew konswetudni.

Noħorġok minn ġol-kwadru
Ta dinja mhux kif xtaqna
Il-barra mll-binarji,
Nistaqsu minn fejn tlaqna.

Alfred Grech
26/07/2018