Tuesday, 25 June 2019


Related image

Inħobbok.
(Lil Amelia)
Inħobbok fl-assenza tiegħek
Sa ma terġa’ tiġi
U nistenna li narak u ma narakx.
U naħseb l’int ukoll tkun taħseb fija
Jew li darba tista’ tkun
Għalkemm naf ċert illi qatt mhu se tkun tiegħi.
Inħobbok f’kull messaġġ li nibgħatlek
U f’kull tweġiba li nirċievi, jekk nirċievi,
Kull meta tkun sorpiża li titfaċċa
U għal waqt wieħed għajnejna jiltaqgħu
U t’a kull darba romblu kbir irambal
l-asfal fl-istonku tiegħi
u s-siparju jerġa’ jitla’ bl-i stennija
biex narak u nassisti għall-aħħar att
l-att ta’ trijonf.
Inħobbok u nibqa’ ngħid li nħobbok
Waqt li nsuq u minn maġembi jgħaddi jvenvnu
Filliera ta’ vetturi bħal f’xi ħolma
U mbagħad nasal fejn ridt nasal
Bla ma naf kif hemm wasalt.
Inħobbok bħal fi nżul ix-xemx li
Tmidd l-epifanija tagħha fil-punent.
Inħobbok sa meta terġa’ tiġi, jekk tiġi
Bħal min qed ngħum ġo baħar kbir
Mingħajr xtut u mingħajr xefaq.

Alfred Grech
25/06/2019

Sunday, 23 June 2019





Related image
U Din Xhini?

U din xhini li tagħmel kollox sewwa?
Għax qabel kellna l-Alla jara kollox
U issa għaliex hemm ħafna għajnejn għatxana
li jissoervae bħal isqra diġitali
xi ħadd ma nafux min jittawwal dejjem
bħallkieku hemm xi spun wara l-persjani.
Il-ġwejjef jgħid li kienet il-kuxxjenza
jien ngġid li tas-sabiġ x’aktarx tkun l-għamla
kull kif kont nitlaq niġri ngħix il-ħajja
u nħaffeħ, ngħaġġel qabel jisbaħ għada
Illum m-għadnix. . . .

Alfred Grech
23/06/2019

Friday, 21 June 2019




Related image

Dagħwa.

X’Alla inti,
li tfajtni qalb l-ilpup u l-vanitużi
biex kelli tabilfors nitgħallem bħalhom
u hlaqtni tassew  dgħajjef u bla ħila
biex nilbes tabilfors il-maskra tagħom?

X’Alla inti,
Nissiltni f’dan il-għawġ bla ma staqsejtni
nintagħġen u biex nibla’ l-ħrejjef tagħhom
ilkoll liebsi kappestru bla ma jifmhu
għajr dak li twieldu fih u ntagħġnu bħali?

X’Alla inti?
Nissiltni, għamilti kopja liema bħala,
ilsir tiegħi, tal-Jien ribelli u naf nagħarraq
kull ħaġa li mmiss magħha bil-foħrija;
tagħllimt id-drawwiet tagħhom mill-fisqija
li npatti lill-kullmin jagħmilli d-deni
biex b’hekk jirrenja l-ħaqq u nreġġa lura
kull ħsara, u l-miżien jiddaqqas f’sikktu.
Niżvina xħin inħares lejn ħaddieħor
u nqishu bħal xi hadd l’hu inqas minni
fis-sura, fil kulur u minn fejn tnissel.

X’Alla Inti,
li ġibtni f’univers daqshekk vjolenti
u nemmen li hemm ordni superjuri
u nemmen li xi ħadd minn wara l-kwinti
jaf kollox, jaf ukoll b’kullma qed jiġri?

U nista’ nkompli ngħid u nibqa’ nħaqqaq
mingħajr ma biss nistenna xi tweġiba.

Alfred Grech
21/06/2019


Related image

'L-Hemm Sejjrin.


'L-hemm sejjrin
Aħna nagħmlu li jinħtieġ isir.
Minn jum għal jum ninġarru mill-kurrenti
U nagħmlu dak li jgħidulna
Jew nagħmlu bħalma għamlu ta’ qabilna
Jew nagħmlu bħall-ħaddieħor.

Hekk sejjrin mingħajr ma biss nistaqsu
Jekk hux li kellna f’moħħna
Jew dak li kellna nagħmlu.

Alfred Grech
21/06/2019

Tuesday, 18 June 2019


Related image


Int Qed Titbiegħed Minni.

Int qed tibiegħed minni u sejjra fl-għada
Meta għada jista’ jkun li qatt ma jkun
Għaliex ġemmajt il-waqtiet kollha
Biex dak ikun l-aħjar wieħed.
U bqajt ma ntbaħtx
Li jiena għamilt f’qalbi
Għax l-istennijiet tiegħek
Kienu kollha lilhinn mit-territorju tiegħi
Minbarra wkoll li kienu
Kontra kull pass għaqli.

It-tidlijiet tiegħek xħin ħallejtni
Kienu bħal waqtiet ta’ fuq ix-xefaq
Taż-żernieq tal-għada
U jien ma rajt il-waqt
Li ruħi tħalli ġismi
U neħles minn kull xkiel u minn kull madmad.

Issa taf li għalkemm tiġi bħal anġlu
Bid-dawl f’idejk jew għall-għarrieda
U bla mistiedna
r-ramel taż-żmien hu kontra tagħna
u jiżloq qed bil-mod il-mod minn bejn subgħajna.

Iżd’issa li t-toroq tagħna qed jitbiegħdu
Kull ma jmur inħossni niġi f’sikkti.

Alfred Grech
18/06/2019

Sunday, 16 June 2019


Related image

Ma Swejna Xejn.

Ma swejna xejn
Għalxejn subgħajna għollejna
sabiex ninghaddu
ghax baqgħu għaddejjin minn fuqna.

Aħna mewġ misjuq
miż-żiffa tal-grigal
ibus riġlejn l-irdum
u jħaddan ir-ramel tax-xtajta.

Aħna karfa misjuqa mill-buffuri
tinagħżel mit-tiben
ittir u tisparixxi.

Bħal bieżaq tal-arja ġol ilma,
Jgħumu għal ftit tal ħin
imbagħad jinfaqgħu.

Alfred Grech
16/06/2019.

Saturday, 15 June 2019



Related image

Nintasab Nikkuntempla.

Nintasab nikkuntempla bla ma naħseb
quddiem dan kwadru mmakulat ta’ ħajjti
Jew nilgħab mat-tikmix u tondjaturi
tal-frilli f’dawk l-inħawi li jintlaħqu
fejn mhemmx għalfejn tixxabbat
fejn ma nafx aħniex niftehemu.
Int terġa’ ta’ kull darba tiġi tbaxxi
l-barrikati
biex mingħalik li se jkun tkun eħfef li jien nifem
u mingħalik tkun aktar affidabbli
dil-qegħeda li tqum tagħmel kull filgħodu.
Nistiednek nerġa’ jien biex għal darb’oħra
tħares sew fil-mera
Filwaqt li qatt minn moħħok ma jgħaddilek
li jista’ jkun li dan staġun u qomt riħ isfel
u r-riħ idur u jitla’ l-ajru
u illi  f’daqqa waħda spiċċa s-seħer
bħal meta ġġib pitazz u taqbad tikteb.

Alfred Grech
15/06/2019