Monday, 4 March 2019




Għad Jiġi Żmien.

Għad jiġi żmien meta ma tistaqsinix
Mnejn ġejt u trid tagħmilha ta’ anġlu u ta’ xitan
Biex tista tifhem it-taħbiriet
Li għandhom mil-ilwien ta’ xi qawsalla.
U trid tkun tassew luċida u trasparenti
Daqs l-ilma ta’ niexxiegħa
Biex tifhem kliem is-serp li jittradik.
Mill-bqija, tirxoxta u terġa tqum mill-ġdid
Bħal Afrodite minn qalb ir-ragħwa,
Inkella tibqa’ għalxejn tiġġerra
Fit-toroq u s-sqaqien
Tal-irħula u tal-ibliet
Ta’ dawn il-gżejjer iffullati sa ruħ ommhom
U tiskanta li għad hemm min irid
Jimporta aktar nies biex idawwru
Dik il-magna li tissejjaħ
Ekonomija.
Għalxejn tiġġerra qalb l-uċuħ
Ta nies distratti jew illużi
Bid-duħħan tal-frustrazzjoni
Tfittex dak li qed fil-fond bla qiegħ
Tal-univers li hemm ġo fik
U bqajt bla lanqas sibtu.
Jien hu dak l-iblaħ tat-tarokki
Li niżfen fit-tarf tal-preċipizzju
Nittallab merżuq dawl mingħand dawk
Ta’ bla sura u bla qoxra
Mitluf fl-aberrazzjoni ta’ drawwiet
Ta’ kif darrewna.
U fl-aħħar nibda ntenni mqar bħalhom,
Li dan huwa ħelsien
Ħelsien ġdid mil-madmad tal-feddejja
U xorta nibqa’ fuq spallejja nġorr
Il-ħtija għax smajt minnhom,
Iżda mbqagħad, terġa’ u tgħid
Jien x’għażla kelli?
In-nies għaddejja u tibqa’ għaddejja
Purċissjoni bla ma taf tal-purifikazzjoni
Għal maħfra tad-dnubiet u l-wegħedi
Li għamlu ta’ qabilhom.

In-nies għaddejja u tibqa’ għaddejja
Purċissjoni, mingħajr tarf.

Alfred Grech
04/03/2019


No comments:

Post a Comment