Saturday, 14 September 2019


Image result for inspiration

Biża.

Nibża’ nkellmek bl-ilsien li bih nitkellem
Għax nibża’ wisq li int ma tifhimnix
U nibża’ nkellemek ċar u tond bħal bqija
Għax  tibda’ int ukoll ma taħmilnix.

Għalhekk inkellmek b’dan it-ton u ċ-ċiera
Li  jista’ għalik wkoll ma jagħmilx sens
Jekk tifhem ftit jew tifhem ħafna għalija
Festa,  għax  kull ma xtaqt kien ftit tal-wens.

Għax f’daqqa waħda fhimt li xejn ma jiġri
U kollox jerġa’ joqgħod għal li kien
Għax hekk jew hekk teatru dan m’hemmx x’tagħmel
U inti issir tassew jekk irrid jien.

Int tista’ bħali tkun tad-demm u l-laħam
U tista’ tkun ukoll bħad-dellijiet
Għax ħloqtok jien, biex nista’ hekk nitbiegħed
Minni nnifsi kull meta nkun għal-kwiet.

Alfred Grech
14/09/2019

No comments:

Post a Comment