Traġedja Tkun.
Traġedja tkun li trid
għajnejk taqla’
biex lanqas tħares fuq
il-ħsara
li ġibt b’idejk meta taf
li tista’ tikteb l-aqwa
ġrajja
ta’kull żmien.
U jien ħassejtni bħal bint
il-farawni
ma stajtx nitilqek hemm għaddejja
tiggalleġġja
fuq wiċċ l-ilma tax-xmara.
Jien kont sellimtlek
xħin bil-qlugħ mifuħa
int bdejt tibiegħed lejn
ix-xefaq
u dak għalija kien inżul
ix-xemx
sakemm qam riefnu ġdid
li reġa’ rmiek fuq ħoġri.
Inkun jien li nkebbes
il-ħuġġieġa
ħalli tisħon u b’hekk
intennu l-ħrafa
li lilek il-velenu tas-sriep
maltin
xejn ma jagħmillek.
Alfred Grech
10/09/2019
No comments:
Post a Comment