Wednesday, 6 May 2020


Beautiful picture. Reminds me of the Goddess Artemis or Diana ...

Għal Waqt Wieħed.

Ejja f’jum ieħor u mill-ġdid iftaħli
l-putelli u l-persjani tat-tieqa tal-kjostru
li jkejjel il-ħabs mudlam tas-solitudni
fejn jimirħu aktar mill-imġienen
l-iħirsa foloz tas-sotterran ta’ ruħi.

Ejja f’dan il-waqt tal-iktar sogħoba
Fejn l-għaraq tad-demm jispunta minn bejn il-pori
U kisser u farrak il-mostri mxajjtna
Ulied il-kilba bla rażan
U fi ħdan l-abbiss ta’ ġuf id-dlam ħallini nsalpa
Fuq wiċċ il-baħar tal-assurdita’
Jew ninġarr bħal anġlu la m’għobdiex
Jew l-għasfur milqut fi żmien il-kaċċa.

Ejja għax inti biss tista’ tfejjaqni
Minn dan il-mard tal-indolenza
Fejn ma jtik li tagmel xejn
Għax xejn ma tista’ tagħmel
Jew li tagħmel ma jiswiex.

Jien lilek ħloqtok mhux mit-tafal tal-art
Iżda minn kull tifkira, mid-dellijiet tal-ħolm
U kull tqanqila xħin infaħtlek f’imnifsejk
ix-xewqat ta’ ruħ tistħajjel il-fidi tagħha.

Din l-istedina qed issirlek għal waqt wieħed biss.

Alfred Grech
06/05/2020.

No comments:

Post a Comment