Thursday, 9 March 2017



117.

Dan huwa tmiem il-ġrajja kif nafuha,
Ħaddieħor ħasbu wasal tmiem id-dinja.
Kull darba li nistaqsi lili nnifsi
Hawnhekk x’ġejt nagħmel, int tqum biex turini,
Ix-xbieha ta’ kif tkun għadira mdardra;
Ta’ kif ikun ix-xejn li fih qed ngħunu,
Titfagħli ħabel twil marbut ma baga
Biex mingħalik b’daqshekk ser issalvani.
Jien li twelidt fix-xejn tax-xejn ta’ dejjem,
Fix-xejn insibni naqdef xħin titfaċċa
Idejk tagħtini, u naf li mhux għal dejjem
‘mma wieħed mill-waqtiet li ridt niftakar,
Biex nerġgħu għad fejn konna qabel ġejna,
Li lanqas mhuwa t-tmiem ta’ dan iċ-ċiklu.

Alfred Grech

09/03/2017

Wednesday, 8 March 2017



U Xħin Issir Taf Kollox.

U xħin issir taf kollox
Dak kollu li trid taf,
Kif sar, kif kien minn dejjem,
Il-ġilda bdiet tixraf.

U ħadd ma ġie mistoqsi
Kif kollox ippjanat,
Bla leħen fil-kapitlu
U kollox kalibrat.

F’miljuni ta’ miljuni
Kemm jgħaddu u jgħaddu s-snin,
F’din l-eżistena fqira
U mkejjla mill-bnedmin.

U bħali trid tistaqsi
Xħin jibda jgħaddi l-ħin,
Xħin taqbdek ferneżija
U l-bieb ħabbatt ta’ min?

Bħal meta tkun fl-eżami
U tħossok iffriżat,
Inkella f’awditorju
U mintix ippreprarat.

Xħin issa ssir taf kollox,
Il-għala, il-kif, minn fejn,
Wasalt fi tmiem it-trejqa
Tgħix aktar m’hemmx għalfejn.

Alfred Grech
08/03/2017


Tuesday, 7 March 2017




Inħaresd Lejk Mill-Qrib.

Inħares lejk mill-qrib,
Inħares bla nuċċali,
Ribelli mit-twelid,
Ma ssibx żgur ieħor bħali.

B’għajnejja magħluqin
Jien naqdef għall-kuntrarju,
Il-kontra ta’ l-oħrajn,
Biex niftaħ is-siparju.

Nitgħaxxxaq bli ma nafx
U li jmexxini lura
Fil-baħħ ta’ kullimkien,
Li beda jieħu s-sura.

Aġent provokatur,
U għandi ħtieġa kbira
Li naqbeż dan iċ-ċint
U nħares ġo l-għadira.

Int ħsibt li sew qegħedin
It-tnejn flimkien imxejjna,
U bqajt ma tintebaħx,
Li għadna fejun ħallejna.

Mal-ewwerl żiffa riħ
Bużżieqa se tinfaqa’
U bqajt ma tafx għaliex
Għax minni xejn ma baqa’.


07/03/2017

Saturday, 4 March 2017



Jekk Ridtek Kull Filgħodu.

Jekk ridtek kull filgħodu
Tkun ħdejja malli nqum.
Xħin saret in-nofs siegħa
Trid tparpar bla ma ddum.

Jekk ridtek kull filgħodu
Fejn nista’ nsib nistkenn
Mid-dwejjaq li nqum bihom
Għalija ferħ ta’ ġenn.

Imbagħad xħin il-ġurnata
Issir u jgħaddi l-ħin,
Niltaqa’ man-nies nibda
U ma nibqax. miskin.

Insibni aħjar mingħajrek
Għax inti telf ta’ żmien
Għax int biss distrazzjoni
U bik ma mmur imkien.

U noħroġ minn ġol fosdqa
Nintreħa mal-kurrent,
U lanqas naf fejn sejjer
U ngħix biss il-mument.

Alfred Grech

04/03/2015.

Friday, 3 March 2017



Inħares Lejk Xħin Titlaq.

Inħares lejk xħin titlaq
Bħal ċpar ta’ filgħaxija
Xi minn daqqiet nitilfek
Fil waqfien interminabbli
Tat-traffiku f’pajjiżna;
Xħin nibda’ ngħid xi posta tar-rużarju
U ħsibijieti jgħaddu ferrovija li bqajt ma lħaqtx,
Li tieqaf biss xħin nieqaf naħseb.

F’din l-għodwa mbikkama u mlibbsa
L-ansjeta’ tal-eżistenza
Ma moħħi taħbat kemm il-darba
Kif int u jien tgħallimna ż-żmien nisirqu
Kull waqt li ħrabna ħarba u xħin għereqna
Fil-baħar tas-sbuħija.

Din ġenna li tinkwadra l-ħabs
Li bnejna aħna stess filwaqt li konna
Qed nieħdu nifs il-ġewwa mhux imniġġes
Mid-duħħan tal-meżżi diġitali.

Fit-tbissima tiegħek
Jien ngħaddi mill-meries tal-purgatorju,
Mill krib ta qalb imqarrqa,
U mit-tortura taċ-ċaħda.

Alfred Grech

03/03/2017

Thursday, 2 March 2017



Tiġdid.

Illum mhux it-tkomplija
Tal-bieraħ illi mar.
Illum jien bniedem ieħor
Ġdid ħiereġ mit-tajjar.

Naqilbu rridu l-folja,
U naqbdu argument
Li qatt ma smajna dwaru
U nkomplu mal-kurrent.

Mas-sħab li jiġri ġirja,
Max-xemx li ma ħarġitx,
Max-xita mhix fi żmienha
Għal darba ma felħitx.

Biex nitla’ kull skalluna,
Mill-ġdid mingħajr rimors,
Tal-għada qatt ma sebaħ,
Ta’ kif kien id-diskors.

U din tkun il-viżjoni
Tal-għana li m’għannejtx,
Mat-temp li qed iħawwad
Indur hekk, dawra mejt.

Alfred Grech

0/03/2017

Wednesday, 1 March 2017



X’Nagħmel Jien.

X’nagħmel jien jekk jisbaħ għada,
Biex insib li bqajt fejn kont,
Ħafna wegħedi, ħafna tama
Li missejt is-sħab fil-pront.

Issa sirt indifferenti
Ngħidlek ejja, ma tiġix,
Kien kull meta nkun ġejt bżonnok
Wiċċek lura u ma tafnix.

Issa sirt indifferenti,
Bżonnok aktar jien m’għandix 
Insejjaħlek għal darb’oħra
Tibqa’ hemmhekk u ma tiġix.

X’nagħmel jien jekk jisbaħ għada,
Jien bqajt wiċċek ma rajtux,
Tista’ ġġibli kemm il-skuża
Issa sehemek ma rridux.

Alfred Grech

01/03/2017