Sunday, 14 January 2018



Lili.

Lili li qiegħed hawn ngħix ħajjti
maġenb l-assenza tiegħek, ismagħni
bħalma tisma’ x-xita nieżla
jew l-iwiefen illi jaħbtu mal-kampnari tal-għerf
li konna ġmajna
fid-dalma ta’ dal-lejl iħares ġewwa fina.
Iftaħli l-bieb tal-meravilji
fuq ħerża ta’ bir ħiemed
li qatt ma tista’ tara qiegħhu
fejn jirgħu ħafna nsetti fl-ilma qiegħed.
Noqgħodu nħaffru jew nistagħbu bix-xejn tagħna
bil-baħħ jirbombja ta’ ġo fina
fejn inti qatt ma tfittex
fejn wiċċ il-lejl jitkixxef għal darb’oħra
u jħares lejħ innifsu.
Imqar ritratt jirrakkuntalna u jikkunslana
bil-frugħa ta’ żmien ilu
għax għandu mnejn jirxoxta s-sensazzjoni
f’dawk il-waqtiet ta’ ġenna efimerali
u d-dellijiet li jiffullaw fuqna
qabel terġa tiġi lura
fuq l-għolja tat-trasfigurazzjoni.
Sadanittant jien nibqa’ hawnhekk
nistenna.

Alfred Grech

14/01/2018

Saturday, 13 January 2018



Kopji.

Ma kienux dawk kopji tieghek
Dawk li daħlu u reġghu ħarġu
fuq il-palk evanexxenti
jew bit-tanabar invadenti

Ma kienux dawk kopji tiegħek,
dawk in-nisa f’purċissjoni
kienu jħaddnu fidi waħda, 
jew iqabblu jew iħabbtu
perskussjoni.

Ma kienux dawk kopja tiegħek
dawk l-uċuh ta’ bl’ espressjoni
kienu maskri li ridt nilbes
ħalli nimla’bil-kuluri
l-baħħ li tħalli l-konvenzjoni.

Alfred Grech
13/01/2018


Friday, 12 January 2018



U Int Ħallejtni Hawn.

U int ħallejtni hawn
Qalb dawn it-tifkiriet tax-xbiha tiegħek
Biex issa sirt ukol nitfixkel
Il-fattizzi ma kull ritratt li nsib f’idejja.

U int ħallejtni hawn fid-dlam iwaħħax
Biex nishar jew niskava l-fdal li baqa’
Fil-ħerba li ninsab imdawwar biha
Bħalkieku għadda riefnu.

U int ħallejtni hawn biex ta’ kull darba
Inqum u niġbor nerġa lili nnifsi
Nintebaħ ta’ kull darba li xi ħaġa
Tkun intilfet u jonqos kemm il-biċċa
Li tkun mitlufa għall-dejjem.

U nerġa’ nsaqsi lili nnifsi
Kif għada ser inkun
U mhux kif ser inżomm,
Wieqaf fuq saqajja.

Alfred Grech
12/01/2018


Wednesday, 10 January 2018




Il-Ħsejjes Tagħna.

Il-ħsejjes tagħna ma jissarfux fi kliem,
Il-ħemda timla’ l-bogħod li hemm bejnietna.
B’għajnejna t-tnejn nissinkandaljaw
Il-fond ta’ dak li jista’ jkun,
Jew dak li xtaqna nafu.
Jien qiegħed hawn, jew jien miniex
F’dal bosk li qed jirbombja ħsibijieti.
Ir-ritmi tiegħi mhux bil-fors li jżommu l-pass
Mar-ritmi tiegħek
Mal-ħin li qed iġorrna bla ma nafu.
Int tħaddan spazju ieħor
Fejn jien ma stajtx inkun,
Fejn jien bil-ħsieb ta’ moħħi
Qatt mhu se ninfed.
Jien nibża’ nħares l-isfel
Fil-fond tal-preċipiżżju
Għax l-għoli jwerwirni.
Imm’inti tgħid lil tħobb tħares
Fil-fond tal-qiegħ ta’ ruħi.
L-ispazju tiegħi mimli ħemda
Għax moħħi dejjem sejjer
U ma jħallini qatt inkejjel dawn l-abbissi.
Il-ħsejjes tiegħek ma jisaffux fi kliem.
Jien xtaq nimmiskja l-ħsejjes tiegħi
Ma dawk tiegħek,
Biex flimkien inkomplu ngħarrxu
Jew naqbżu l-barrikati
Ta’ dak li huwa sew
U dak li nistgħu nagħmlu.

Alfred Grech
10/01/2018



Tuesday, 9 January 2018




 Mini Vaganti.

Nitelqu taħt dal-ħajt tal-paradossi
Bi klien u tifsiriet evanexxenti
Biex sibna dak iċ-ċirku li jagħqqadna
Kien biss il-ġometrija trasparenti.

U kollox jgħib fis-skiet ta’ baħar iswed
Taħt l-għera ta das-sma alluċinanti.
Il-lejla mhemmx il-kwiekeb, lanqas qamar
Hemm biss il-waħx ta’ żewġt erwiħ vaganti.

Alfred Grech
09/01/2017





Sunday, 7 January 2018



Xi Trid Int Minni?

Xi trid int minni kull xħin terġa’ tiġi,
Iddoqqli l-ħsejjes tiegħek ġo widnejja,
Imbagħad jibbnazza wara ftit u titlaq,
Moħħok mistrieħ, għax għal ftit ħin kont ħdejja?

U xi trid tgħid int biha din li taqsam
Il-baħar tas-silenzju ta’ bejnietna,
U ma ħaddieħor tikxef din il-ġenna
Biex lanqas iħalluna ftit bi kwietna.

Konkwista għalik li jiena ndur u nidwi
Dak li tgħid int jirbombja ħabs bejnietna.

Alfred Grech

07/01/2018

Saturday, 6 January 2018




Meta Leħnek Lanqas Jasal.

Int trid tgħix u trid il-beraħ
Trid issb iċ-ċebtru tiegħek,
Jiena bħalek kont, imm’issa
Mhux se nasal naqbel miegħek.

U jien hawn nipprova nniżżel
Dak li f’daqqa waħdu jaqa’
Minn ġoċ-ċpar ta’ fuq għajnejja
Nibda niġbor milli baqa’.

Meta leħnek lanqas jasal,
U ġo qalbi jieħdu s-sura
Dwejjaq kbar ta’ letarġija
Nimxi pass u nerġa’ lura.

Hemm xi ħaġa li mhix sewwa,
U tistona ġo widnejja,
Qed inħossni qed nitbiegħed
U mhux lilek nara ġejja.

Alfred Grech.

06/01/2017