Sunday, 13 May 2018

Jekk nersaq lejk
Jekk nersaq lejl fil-ħemda
aktarx ma tismanix,
jekk nersaq lejk fil-leħħa
aktarx ma tagħrafnix
Jekk nersaq, nibda noqrob
u nagħleb kull tiġrib,
u nsib li d-dawl li jgħmmex
inħossok qiegħed qrib.
Alfred Grech
13/05/2018
Like



Jekk It-Tokki tal-Qanpiena.

Jekk it-tokki tal-qanpiena
iqajjmuk minn dak in-nagħas
f’daqqa waħda teħber qalbek
tgħaddi żiffa u tagħti każ.

Mhux li tara qiegħed jiġri,
dak li ġara, dak li nsejt!
is-sorpriża meta ltqajna
l-ewwel darba u fejn ħallejt.

Iżda l-ħin li donnu waqaf
u inti donnok ma fhimt xejn,
f’daqqa waħda jaqa’ l-biża’
illi ltqajna hawnhekk għalxejn

Alfred Grech
13/05/2018


Saturday, 12 May 2018




Lil Sharon II

Għalkemm int bdejt tintilef qalb il-folla jien bqajt narak,
bdejt aktar tidher u tispikka minn qatt qabel,
għalkemm minn taħt l-ilsien int bdejt titkellem
jien smajtek sew, aktar u aktar.
U għalkemm għajnejk baxxejthom, għax mistħija
jien rajthom sbieħ, ileqqu aktar.
Fis-skiet u s-solitudni tax-xintilli
imlejt bil-leħma l-baħħ li hawn madwarna
bil ġid ta’ proża ġdida.
U naf li xtaqt li kemm il-darba ridt tinħeles
mill-ħabs tal-falliment u fanatsija
Iżda li stil li qbadt mexxiek lil hinn minn kull konfini.
Jixirqilha kull għożża u attenzjoni
għaliex imqarr b’kull nifs li nieħu jista’ jkun  
li qed infixklek
u fija jikber biża’ kbir
li ħin bla waqt jispiċċa s-seħer.
Alfred Grech
10/05/201

Friday, 11 May 2018




Imqar
                                
Imqar fit-tokki tat-takkuna
mal-mixi tiegħek hemm tqanqil
ta’ min irid iduq il-ħlewwa
u l-morr sakemm idubu
fil-baħħ tas-skiet.

Imqar fl-ilbies li tilbes
ittenni r-rifless tad-dnub oriġinali
ilbistu dak il-ħin bies tiskantani,
biex tittantani!

Mhemm xejn li nista’ nagħmel jien
bejn l-aħmar tad-dublett
u l-ħsibijiet għad-dell sewdien
li jdawwlu ruħi

Alfred Grech
11/05/2018

Thursday, 10 May 2018




Lil Sharon.

Int għandek l-oċean midfun ġo ruħek
għax tgħix fil qrib u tgħix lilhinn mix-xefaq.
Fil-qiegħ tat-tqanqiliet u tal-passjoni
lilhinn minn kull disinn jew kull tifsila.
Is-saħħa t’uragan iġġorrha miegħek
it-tmun f’idejk b’kuraġġ u ntuwizzjoni
ma tibża’ qatt tisfida xi burraxka
u taf kif lir-riħ tgħannaq ta’ kull darba.
Iżżomm fuq il-quċċata ta’ kull mewġa
u turi lil ħaddieħor id-dawl tiegħek.
flimkien mad-dlam fiż-żoni nebulużi
iżżomm mistur għalik. għelm tal-imġarrba.
Għax għandek it-tempesti ġewwa sidrek
u l-fwieħa tal-ward f’Mejju fuq il-ġilda,
int għandek minn tal-baħar f’nofs awwissu
u taf tixtarr tal-infinit il-qawwa.

Alfred Grech
10/05/2018

Wednesday, 9 May 2018




F’Dil Paralisi Assoluta.

F’dil paralisi assoluta ta’ bla ħsieb u ta’ bla kelma
met’anqas biss it-tmiem li għad xi darba jasal
mhu qed jidher,
ikun il-bogħod jew f’tarf il-preċipizzju,
x’ikun li jiġi x’jgħidli
li llum ma ħlejtx iż-żmien niltaqa miegħek?
Għax għedt li ridt tarani,
u f’daqqa waħda mlejtni bit-toqol tiegħek,
u f’daqqa waħda nkejjlu bdejna
it-tul li hemm bejn l-art u s-sema.
Xi jgħidli li tal-ewwel mhux aħjar
mit-telgħa tal-kalvarju?
Xi jgħidli li mhux wirja din tas-seklu
li nagħmel ta’ bir-ruħi qiegħed nemmen
u wara l-kwinti hemm il karnival
li jibqa’ għaddej s-sena kollha.

Alfred Grech
10/05/2018.




Tistaqsunix il-Għala.

Tistaqsunix il-għala
ninsab iddispjaċut,
id-dinja mhix kif xtaqtha
nixtieqni rrid immut.

Tistaqsuni il-għala
jien magħkom bil-merfugħ,
għax qisu kliemkom vleġeġ
ridt noqgħod ftit maqtugħ.

Mhux hekk jispiċċa kellu
dad-dramm skond il-kopjun,
xi ħadd ibagħbas daħal
u żgur kien xi miġnun.

Alfred Grech
09/05/2018