Wednesday, 19 September 2018




Intbaħt li Stajt Weġġajtek.

Intbaħt mli stajt weġġajtek
Imqar mil-bogħod
U kull messaġġ li ibgħat
Inaqqas id-distanza ta’ bejnietna.

Is-solitudni tiegħi
Bħal ittra li tibgħatli
Imbagħad nitlaqha hemm,.

Bħal f’xi rumanz id-diskursati ta’ bejnietna
Mimlija rtokki u qari ta’ prova
Kliem imqiegħed ħdejn xulxin idoqq għall-widna.
Iżda maż-żmien jintesa’ kollox
Jisfaru jew jiqdiemu mal-karta li fuqħa mitbugħa.

Meta rġajt ġejt lura f’ħajjti
Jiena lanqas ma qagħadt lura.

Issa noqgħod niġbor il-weraq  niexef tal-ħarifa
Fejn imħażża l-ismijiet
Ta’ dawk l-erwieħ li qatt ma twieldu.

Alfred Grech
16/09/2018

Monday, 17 September 2018



Image result for timelessness
Kif Tista’ Tgħix Għal Dejjem?

Kif tista’ tgħix għal dejjem
jekk darba qatt ma kont,
Jekk qatt ma kont xi ħaġa
jewk kollox kien rakkont?

Int kont biss fi sbuħitek
għal waqt hekk dejjem bqajt,
mhux fama għal min jiġi
jew dak li qatt ma rajt.

Jien xtaqt li mqar xi darba
għad nilħaq dak l-istat
mingħajr ma qatt ninbidel
għal dejjem iffissat.

Xi ħaġa tkun inbidlet
u nħossni xħin inqum,
m’għadnix kif kont il-bieraħ
u mmut ftit ftit kuljum.

U xħin tiltaqa’ miegħi
issib li jien inbdilt
ġurnata wara l-oħra
mingħajr ma tkun tfixkilt.

U fl-aħħar xejn ma jibqa’
mank dak li hu pinġut
m’hemm xejn xi treġġa’ lura
jew seta kien tradut.

Għax aħna żmien jinbidel,
u tgħid ġejt il-quddiem
u tieħu dak li jiġi
bis-sabar u fis-sliem.

Għalhekk kif trid li tibqa’
jekk darba qatt ma kont,
u lanqas għal waqt wieħed
ma qatt tajt rendikont?

Alfred Grech
18/09/2018.


Image result for man alone in the desert


Li Kont Bebbuxu.

Li kont bebbuxu noħroġ rasi
wara l-ewwel ħalba.
Jekk bħali tterraq ir-ramel tad-deżert
ma tislet ebda faraġ
minn dak li ssib madwarek.

Maqtugħ mill-bqija
tkun tlift id-direzzjoni
u dari saret mhux biss rifuġju
iżda pjaneta.

Jien naf li ġejt tħabbatli
iżd’issa tlift ix-xeħta
u l-kuntatt.

Alfred Grech
15/09/2018

Sunday, 16 September 2018



Image result for heraclitus
La Toftoqx.

La toftoqx u la tiflix u la tgħidlix x’hinu
l-istil ta’ dak li naħseb.
Int  x’int, int biss tifkira.
U jekk ma tinbidilx
int tista’ tgħix għal dejjem.
Xi ħaġa tmut ġo kif
kull meta tiġi lura
sakemm ma jibqa’ xejn
minn dak li kont xi darba.
Għax ta’ kull darba terħi ftit
mill-ġbid tal-ħabel li jissikka
tinbidel int u tibdel dak li tkun
tmur kontr dak l-emmint
u ċċedi dejjem biċċa
sakemm tmur tfittex
u ma ssib xejn minn dak li kont qed taħseb.
Biex tibqa’ tgħix għal dejjem trid
ma tinbidilx inkella
tibda timxi b’lura.

Alfred Grech
16.09.2018

Friday, 14 September 2018


Image result for enchanting woman

Imbagħad Inħares Dritt F’Għajnejk.

Imbagħad inħares dritt f’għajnejk
u ngħidlek: Int sabiħa
u dritt nintebaħ li jien sirt kollni kemm jien tiegħek.
L-ebda seħer m’hemm f’dan kollu
bħal meta tiddisprezza lil xi ħadd
imbagħad tindiehes miegħu.
Għar mid-duħħan li jippumpjaw il-vetturi
li jniġġes l-arja tagħna.
La tħallinix inħoss il-ħtija
kull darba li nkun ħdejk
ta’ xi dnub jew xi deliit
li qatt ma kkommettejt
inkella kkundannat għal-għomri.

Alfred Grech
14/09/2018




LXIII.

Ir-ruħ trid ħaddan hi lid-dinja tagħha
Fil-ħemda twieżen dak li għal ħaddieħor,
La jista’ u lanqas jiflaħ, hi ġġor magħha,
Tbati, u ma tgħarafx min waqt għall-ieħor.

Ir-ruħ trid tfittex hi l-għeliem minn tagħha,
Kolonna ta’ duħħan f’deżert il-ħajja,
Jew tiġi minn x’imkien, jekk għad tismagħha,
-          Fis ħalli minn idjek, u ejja wrajja-.

U jekk qalb dat-tfixkil hemm it-tweġiba,
Ma tiġi qatt għaliex imkien m’hemm wiri,
Qalb dal-pajżaġġ imħarbat trid issibha
Biex hekk għad jasal darba tmiem il-ġiri.

Imbagħad tistaqssinix kif sibtni qribek,
Inkella ’l-min staqsejt sabiex insibek.

Alfred Grech
15/10/2012

Thursday, 13 September 2018


Image result for mysterious woman in high heels

Ħsejjes.

Il-ħsejjes tat-takkuna b’ritmu mdaqqas
Jisiltu s-swied il-qalb ta’ sqaq imwarrab
U ntennu dak li ngħidu
Bi kliem meqjus li jaqta’ xafra.
Kont nibza’ li niltaqa’ għad ma waħda bħalek,
Issa li ltqajna naf li tgħodd għalija;
Għalija biss.
Id-dinja tiegħek għandha żewġ emisferi:
Dak li hu tassew u dak li hu
Desakrazzjoni flagranti.
Int tgħid li ma tridnix inkun tallab
Biex tista’ tidħaq bihom.
Jien lanqas naf jiniex ferħan
Għax qiegħed nara lilek hawn quddiemi
U ma nafx jieniex inċedi għall-uġih
Inkella rbaħt il-biża’.
Int għanbdek xeħta ta’ min jistenna jisma’
Xi ħaġa ħiemda u siekta daqs ix-xorti.

Alfred Grech
13/09/2018