Sunday, 11 November 2018




Remembrance Day  2018

Ħalluhom lil dawk li minghalihom
ifejjqu l-ġrieħi tat-tifkira u jserrħu l-kuxxjenza tagħhom
iqiegħdu l-ward mal-monumenti
biex ifakkru dak iż-żmien
meta l-kanuni kollha mmutaw. . .
għax il-kanuni ma mmutawx
għax għadhom jiġġerrew u jsibu kenn
dawk l-imsejknin li jaħarbu mit-tiġrib
u mit-tiġrif ta’ djarhom u dak kollu li
jafu u li hu għażiż għalihom.

U ma joqgħodux dawk
ixerrdu d-dmugħ tal-kukkudrilli
iġeddu t-tifkira ta’ min ħalla ħajtu
ghat-twemmin, għal artu jew għal kull skuża battala
li bellgħawlhom is-setgħana,
dawk li jibgħatu l-ħrief għal qatla.

Lil mejtin mhux it-tifkira iżda l-ħalfa
li ninżgħu il madmad tas-setgħana
ma nobdux
ma nservux
ma npaxxux
u nirvellaw
kontra kull min ikeskes
bniedem kontra ieħor.

Alfred Grech
11/11/2018.







Saturday, 10 November 2018




Verġni Vestali.

Mill-maqdes tal-poeżija toħroġ inti
verġni vestali
bint il beraq
kull meta tqum il-ħtieġa
li s-seher tal-essenza jbiddel f’kelma
l-agunija ta’ dir-ruħ.

Fil ġuf tat-trasparenza
fejn ir-ruħ tindifen mingħajr mafkar
fl-abbiss etern tal-eżistenża,
hemmhekk fejn tibda l-mixja lejn ix-xefaq
fis-solitudni tal-merżuq li jdawwal
fanal li juri t-triq għal min ibaħħar
bir-reqqa ta’ ħarstu
fid-dalma tqila ta’ kull lejla
ta’ bla qamar u bla kwiekeb.

Alfred Grech
10/11/2018


Friday, 9 November 2018




141.

Int tista’ wkoll  tinħeba wara skuża
Itella war l-kwinti kull xenarju,
Tbiddel u taħrab, taħtaf lil min jiġi
Inkella bla ma jaf sab ruħu qribek.
Dan mhuwiex l-anġlu li mis-sema waqa’
Għax issa bla ma trid sirt priża tiegħu
U mhux bħal meta ħin bla waqt f’dal wileġ
Iltqajt ma dak jew dik u f’daqqa waħda
Bdejt ġrajja ġdida ta’ tbissim u dwejjaq.
Għax ftaħt bla ma ħabbatt, bqajt dieħla ġewwa
Għax b’ġismek qiegħda hawnhekk mhux iżda b’ruħek
Bħal mostru daħal fik, ma tafx x’ser tagħmel
U mhux lakemm issib min jimxi miegħek
U mhux lakemm issib min jiġi jfittxek.

Alfred Grech
09/11/2018.

Thursday, 8 November 2018




Taqta’.

Taqta’ daqs xafra misnuna
Li tinfed il-laħama il-ħaj
Kull darba li tagħmel ħielsa minn kull tebgħa
n-nuqqasijiet tiegħi
Il-ferħa li tagħtini meta siekta
Għaliex jgħaddi mill-kurituri mudlama
Ta’ kranju qadim
Il-ħsieb li għad xi daba terġa’ togħdos
U ma terġax titla’ fil-wiċċ
Turini wiċċ b’ieħor għax int min int
Għax int tinbidel
Għax inti mara
Għax taħt il-ġilda bajda li tmelles l-ilma ġieri
Hemm ruħ u qalb ta’ tigra feroċi.
Jien qatt mhu se nitilfek
Għax nibqa nfittxek dejjem
U naf fejn nieħdok miegħi
Meta mkiegħi ma tkunx.
Jien nitbennen ta’ kuljum f’ħoġor l-allat
Inkebbes ħolma u nħalliha taqbad
Fil-masġar tiegħek.

Alfred Grech
08/11/2018

Wednesday, 7 November 2018


Image result for guilty by stander

U Int Bqajt Ma Tkellimtx.

Is-sens tiegħi tal-avventura
wassalni s’għandek.
Il-bieraħ ittawwalt f’għajnejn il-lupu
u int bqajt ma tkellimtx.
Stennejt imqar ftit attenzjoni
iżd’inti ma bagtħtt li ebda nvit.
Illum inħossni qed nittawwal f’bir bla qiegħ
kif jiena mdorri nagħmel
iżd’inti lanqas  tfajtli xrara dawl
tal-kwiekeb qed jitbiegħdu.
Illum li qomt mill-ġdid minn bejn l-imwiet
intbaħt li dak tal-bieraħ ma kienx minnu.

Alfred Grech
07/11/2018.


Image result for angel face

Mit-Torri tal-Ivorju.

Mit-torri tal-ivorju
U mill-gardjoli tal-kranju
Nittawwallek u nibagħt raġġ dawl li jinfed
Sal-ħsibijiet u sax-xewqat
Li juri li l-art fil-qrib
Iżd’inti tibqa’ dik il-mara misterjuża
Ma tinqabadx u ma tħallix traċċi
Tad-dellijiet mnejn tgħaddi.

Jien nista’ nkun mhux ħati
Ta’għemili jew tat-twemmin li bih twebbilt
Jew tal-misteri
Għax int kapaċi tbiddel il-wiċċ t’anġlu
F’wieħed ta’ medusa.
U jien nibqa’ mbagħad
Trafiss fil-ħarsa tiegħek.

Alfred Grech.
07/11/2018

Monday, 5 November 2018

Image result for silence.


Buffuri.
Aħna lsiera u lanqas nafu.
Ma tlifna xejn
lanqas irbaħna
hemm barra l-weraq qed jittajjar
iżda l-buffuri tar-riħ hawn ġew qiegħdin
ġo fina

Int tħares lejja u xejn ma tgħidli
is-skiet jitkellem waħdu
għax ghandu t-tifsir tiegħu
elokwenti daqs it-talb.

Imblajt mill-vortiċi
il vortiċi huwa l-baħħ li fiħ nintilef
u l-ħsibijiet li ma jċedux.

Alfred Grech
05/11/2018