Sunday, 9 December 2018


Image result for time

Hemm Żmien.

Hemm żmien li nkun irridek,
hemm żmien li ma rridekx,
waqiet bħal mhu dak t’issa,
fittixtek, ma sibtekx.

Hemm żmien ridt noqgħod waħdi
bħal wieħed iżolat,
nitbiegħed jien minn jeddi
biex noqgħod ixxamplat.

Biex nara dawk id-drabi
kontx jien dak il-pervers
għamilta ta’ barrani
inkella ftit divers.

Jew jekk jgħaddix mingħajri
dan dan l-univers bli fiħ,
il-ħbieb u ta’ madwari,
u ż-żmien għaddej bħar-riħ

Alfred Grech
09.12.2018


Related image

Euridice.

Għax qed inħoss il-passi tal-iħirsa
iġorru t-toqol tagħhom li fih twieldu,
il-ktajjen li mal-art ifesdqu l-jasar.
Qed negħerqu fir-rutina ta’ jum ieħor,
ta’ xjuħ fuq tlett saqajn, ta’ si sibilla
li fuq trepied taf tbassar il-ġejjieni
inbaħħar  bid-duħħan alluċinanti
bħat-tfal imwielda mwieżna fuq il-krozzi.

Kull xħin inżurek togħma bħal tal-oqbra
u ninżel ġol abbissi ta’ żmien ieħor.
Xjaħt eminenza griża ta’ ħarruba
tintebaħ bit-tikmix ta’ fuq il-ġilda
jiżdied filwaqt li s-saħħa qiegħda tonqos.

Nistaqsi jekk u kemm hu ż-żmien li fadal
sakemm inżurek nerġa’ taħt il-ġebla,
inkella barra dan, hemmx xi żmien ieħor.

Alfred Grech.
09/12/2018.

Friday, 7 December 2018


Image result for the emperor's new clothes

XLIX.

Kull meta nħares barra minn dit-tieqa
Hemm narra hemm id-dlam, hemm l-għawġ u d-dnewwa,
Kif nista’ minn dir-rokna ntaffi d-dieqa
U mmejjel ftit il-mira lejn is-sewwa?

U nwieġeb bla tlaqliq, li lanqas nista’,
Bħal kotra ġwejjda u ssiekta xħin tagħllimni
Li s-saħħa tiegħi ngħaddi lil min jista’
Iħaddem is-sistema u b’hekk jaħkimni.

U dawk li minn daqqiet iġibu l-qirda,
Għax b’ħeffa kbira jwettqu t-twemmin tagħhom,
Iżidu l-għawġ, il-qrusa, jżidu l-firda
F’isem kull ħaġa sewwa u dawk ta’ magħhom.

Jinħtieġ għalhekk noħorġu minn din-niċċa
Għaliex l-imperatur bla ħwejjeġ spiċċa.

Alfred Grech
15/04/2012

Thursday, 6 December 2018



Kif Tridni Nemmen Fik?

Tridni nemmen fik
u bqajt bla wiċċ, bla ma tingħaraf
bla isem  u bla numru tal-identita’.
Jien ismi bdiltu kemm il-darba
u lbist ta’ maskerat
int bqajt ma dehertx
u meta sejjaħtlek
kien leħni stess li baqa’ jidwi
mal-ħitan u mal-irkejjen.
Int bqajt ma ġejx,
u sirt l-iskuża sabiex għada
nibdew mill ġdid dak li għamilna l-bieraħ
u l-bieraħt lura
u t-toqol baqa’ qatt ma ħfief.

Alfred Grech
06/12/2018

Sunday, 2 December 2018




Jien Nippassiġġa

Jien moħħni nippassiġġa
fi sqaqien l-eternita’
f’dawk il-mogħodiejiet efimeri
ta’ meta l-istorja kien għada ma nkitbitx,
jew jekk inkitbet intilfet
f’dak kollu li ġie wara,
fil-fakass ta’ dak li kellu jkun
u qatt ma kien.

U issa la ma ġejtx,
jien qed narak minn lenti oħra
bil-wiċċ imħaffer fit-tond
għaliex fl-għabex tal-allat
ix-xemx mistħija tmur tistaħba
jew tinħeba wara x-xefaq
u inti tkun BrunHilde tibdaħ
is-super bniedem
u tara li dan kollu jgħaddi wkoll.

Iżda jien ma nista qatt għaliha
li xħin jgħaddi kollox ngħidu
li din ma kienetx għajr ħolma
u li dak li jibqa’ wara ma jkun xejn
għajr dwejjaq.

Alfred Grech
02/12/2018.

Saturday, 1 December 2018




U Jien Kont Naf.

U jien kont naf li hemm xi ħaġa nieqsa,
Tistona f’dak il-kwadru li pinġejna,
għax il-qalb teħber u miegħek kont inħossni
li dħalna t-tnejn id f’id fil-ġnien tal Għeden.

U kont intbaħt b’kull daqqa t’għajn li tasal
bħal vleġġa vvelenata li trid tinfed
u jiena kont indawwar ħajt madwarna
‘Mma kien għalxejn, is-susa dejjem tgerrem.

Nistaqsi mbagħad jekk f’tal-infern l-abbissi
għadx tista b’tant tfixkil ixxettel warda,
inkella qalb id-dlam ta’ lejl imbikkem
tilqax f’idejk it-tnejn kewkba li taqa’.

Alfred Grech
01/12/2018



Image result for simulation

Jien Tassew Jew Sirt Ħaddieħor?

Jien tassew, jew sirt ħaddieħor,
hemm xi ħadd qed jikkuppjani,
hemm ħaddieħor fl-għamla tiegħi
jien nitkellem, bla tarani.

Hemm xi ħadd li qed jippoża
li hu jien, bil-lingwa tiegħi
qed itenni litanija
daqs li kieku kien jgħix miegħi.

Jien tassew jew jien min jiena?
hemm xi ħadd li qed jixxala
bl-istess forma diġitali,
tgħid l’għaliex, nistaqsi l-għala?

Biex ixandar u jinqeda
b’din il maskra trijonfali?
Kien tassew, jew kien xi gidba
Iżda qatt mhu se jkun bħali.

Jien tassew jew jien xort-oħra
m’għaraftnix u trid taħtafni,
simulakru, sirt ħaddieħor,
Ma nbdilt xejn għax mank tarafni.

Alfred Grech
01/12/2018