Tuesday, 5 February 2019




Jien Nista’.

Taqa’ d-dalma fuq għajnejk
bħalma jaqa’ s-skiet bil-bjar bla qiegħ
miksura biss mill-infinit
tal-krib ta’ xi qattusa fi sħana ta’ Jannar.
Jintfew il-kwiekeb fuq baħar qiegħed
u jistordi l-qamar kwinta ċċassat
fis-sema ta’ bla sħab.
Jien nista’ mkun id-dell intruż
li jtellef il-ħemda bil-ħsibijiet ivenvnu.
Jien nista’ nibda’ nimxi wkoll fuq wiċċ l-ilma
mingħajr ma nemmen l-għandi ħila,
Jien nista’ nitlob dak li naf
li qatt ma nista’ naqla’.
Jien nista’ nibqa’ hawnhekk nixtarr
il-ġenna fl-art li qatt ma kienet
għax issa imdawwar bid-dell
ta’ min ma jimpurtx mis-saħħa ta’ ħaddieħor
mill-grattaċjeli u mill-bini sfiguranti
jisfida’ l-omnipotenza
li jużurpa saħansitra s-skiet tal-ispettatur.

Lejla kiesħa ta’ sema mbikki
ta’ qamar jistaħba ġo sema bla lwien,
erġa’ rxoxta d-dellijiet ta’ dawk li ġew qabli
ukoll jekk issa ħarbu u nħallu fid-dlam
u reġa’ waqa’ s-skiet f’dawn l-inħawi
tar-ruħ fejn għada tkun tintradam
bil-ħsejjes, bis-swied il-qalb
u fit-terrapein tal-ħerba spjetata.

Alfred Grech
06.02.2019



Jifteħu Għajnejk.

Jinfetħu iva għajnejk
jinfetħu xħin taqa’ l-borra
u jmur iċ-ċpar inkriminanti
ta’ kullma bellugħlna sakemm
ikkonvinċewna li sirna rġiel u nisa . . .
u ċittadini.

Jinfetħu għajnejk beraħ
xħin tħossok mintix soda
xħin jibda jaqa’ l-qxur
tat-twemmin, tat-tabu’ u tal-pilastri
li qatt ma kellhom pedamenti.

Jinfetħu għajnejk biex tara
il-baħħ fejn jidwu l-litaniji
li jżommu l-merħla magħluqa fil konfini
ġwejjda bla ma tistaqsi
dak li jiġiha f’moħħa

Alfred Grech
05/02/2019

Monday, 4 February 2019


Related image

Nistenna.

Nistenna s-skiet iġorrni
fuq mewġ il melodija li ma smajtx
nistenna li ninkalja fuq xi xtajta
fejn jiżfnu mat-twerżieqa tal-vjolini
iċ-ċief ifittex it-tifsira.

Nistenna li dal waqt hu l-qofol
tal-waqtiet li għext sa issa
mhux l-apiċi tas-serħ u l-hena
iżda l-punta ta’ djamanti
li għad irid jisfronda
is-seħer t’għada.

Alfred Grech
04/02/2019

Sunday, 3 February 2019

Image result for mikiel anton vassalli



Lil Mikiel Anton Vassalli

Sunett.*

M’għadux ġo qabrek jifraħ l-għadam tiegħek,
U xejn ma jiswa’ llum it-tifħir tagħna,
għax ħsiebek u ħidmietek, l-għelm minn tiegħek
Malta, maltija nsiet għax qed tistagħna.

Min ried itik fuq wiċċek u żarma driegħek
magħna m’għadux, minflok titrabba qiegħda
ġenerazzjoni ġdida li trid tmiegħek
dak kollu  l’hu għażiż u għamlet wegħeda

Li tegħereq fit-tmattir tal-opulenza,
Insejna dak li lilna ġens jagħmilna,
l-ilsien, twemmin, l-għaqal u l-prudenza,

U ngħumu bdejna fejn mank biss jilħqilna
mal-pixxiplamti, l-ilpup tal-affluwenza,
u nħottu kull ma bnew dawk ta qabilna.

Alfred Gech
03.02.2019  


B’apoloġija li Gorġ Pisani.

Saturday, 2 February 2019





Oqgħod Ħdejja.

Ejj’oqgħod ħdejja
Imqar ‘kk ma titkellimx,
Għax jiena nisimgħek xorta..
Xħin inħares lejn iż-żmein
Għaddej mit-tieqa ta’ kamarti
U jista’ jkun lli tkun ix-xemx, ix-xita nkella r-riħ
Int tibqa’ ma tinbidilx.
Għaliex madwarek m’hemmx irbit
tibgħat f’estasi li li kull min qiegħed ħdejk
U għaliex il-ferħ tassew
Hu l-okkażżjonijiet li toħloq
l-okkajoni turi int min int
intix tassew sultana.




Ma Kull Daqqa.

Ma kull daqqa ta’ ħarta
ż-żonqor iċedi.
Jien m’għandix il-ħin
Li noqgħdo noftoq il-misteri
U kull daqqa li nirċiei
Nirribatti b’għaxra oħra.
Iżda xħin inkun bi kwieti
Nifli sew kull pass li jmiss
U kull għelm li ġej mill-beraq
Għax in-nebħ u hu l-alfabett
Tal-anġli.
Imbagħad ħalli jgħidu kemm iridu
Li noqgħoid nissemma għar-riħ ivenven
Jew ninnamra ma xi kewkba

Alfred Grech
02/02/2019

Friday, 1 February 2019




Sens Il-Ħajja

Ieqaf ħares lejn il-ħajja
Bħallikieku pis li ġġor,
Ieqaf ħares lejn ix-xefaq
Bla ma teqred, bla ma tgorr.

U tistaqsi x’hemn fil-wita,
U tistaqsi x’hemm lil hemm,
Sibt tifsira ma kull kelma
U ttenniha mhux lakemm.

Qalb il-versi ta’ kull għanja
Qalb il-ħsejjes tat-tilwim
Hemm il-ħeġġa, hemm mil-qawwa,
Hemm il-frott ta’ kull tagħlim.

U mar--resħa ta’ kull fewġa
oss tqanqil li bħalu mhemmx,
Hemm il-leħen ta’ qanqiena,
Hemm l-ilwien ta’ nżul ix-xemx

Għax imqar tal-ħajja l-ħsejjes
Jirbumbjaw fis-skiet tal-lejl,
Għax imqar fid-dlam tistaqsi
Sens il-ħajja għandux kejl.

U jekk tieqaf bla ma tħares,
Imma ttenni ta’ ġo fik,
Abbli ssib li qiegħed tighixha
Sew il-ħajja b’kull ma ttik.

Alfred Grech
01/02/2019